- Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew ta’ EUR 24.4 biljun, li huwa parti minn pakkett inizjali tal-UE għall-irkupru mill-COVID-19 li se jintuża fl-2021, wasal biex jilħaq il-punt tan-nofs
- €11.7 biljun f’finanzjament biex jappoġġja negozji madwar l-UE fil-pandemija tal-COVID-19
- Il-finanzjament approvat huwa mistenni li jimmobilizza kważi €94 biljun
Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew (FGE), li huwa parti mill-pakkett għall-irkupru tal-UE ta’ €540 biljun miftiehem fl-2020, approva finanzjament li jammonta għal kważi nofs il-mira tiegħu għall-2021. Wara l-approvazzjoni skont il-proċess tan-notifiki dwar l-għajnuna mill-istat f’Diċembru 2020, l-inizjattiva issa approvat EUR 11.7 biljun b’appoġġ għal negozji Ewropej li qed ibatu minħabba r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19. Din hija kważi nofs il-mira tal-fond għall-2021. Il-fond jimmobilizza finanzjament addizzjonali, u l-inizjattivi ffinanzjati s’issa huma mistennija li jiġġeneraw EUR 93.9 biljun f’finanzjament għall-ekonomija tal-UE. Permezz ta’ €2.1 biljun f’finanzjament li ġew iffirmati wkoll fit-tmiem ta’ April, il-finanzjament tal-FGE diġà qed jilħaq negozji madwar l-Unjoni Ewropea kollha.
“Il-Grupp tal-BEI kien minn tal-ewwel li ħa azzjoni biex jiġi żgurat li l-Ewropa tgħin lin-negozji u liċ-ċittadini jindirizzaw ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19. L-isforz ewlieni tagħna permezz tal-FGE huwa biex nappoġġjaw lil kumpaniji tal-UE u biex nipprovdu l-finanzjament li jeħtieġu sabiex ikampaw fil-pandemija,” jgħid il-President tal-BEI Werner Hoyer “Dawn iċ-ċifri juru li r-rispons tal-Ewropa qed jagħmel differenza reali f’ħin rekord. Dawn itejbu r-rekord tajjeb tal-Grupp tal-BEI fil-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ trattamenti u vaċċini, li llum qed joffrulna xaqq ta’ dawl biex noħorġu mill-pandemija tal-COVID,” żied jgħid il-President Hoyer.
Bi ftehimiet iffirmati fi kważi t-22 pajjiż tal-UE parteċipanti kollha, inklużi ftehimiet sinifikanti ma’ Nordea, Raiffeisen u Banca March, il-FGE bħalissa qed jipproċedi sew biex jimmobilizza sa 8 darbiet tal-volum tiegħu ta’ EUR 24.4 biljun sa tmiem l-2021. Id-domanda għall-finanzjament tal-FGE hija b’saħħitha, u aktar approvazzjonijiet u firem huma mistennija biex il-FGE malajr jilħaq 50% tal-mira tiegħu sal-bidu tas-sajf.
“L-SMEs jeħtieġu l-finanzjament u jeħtiġuh issa.” Żied jgħid il-Viċi-President tal-BEI u ċ-Chairman tal-Bord tal-FGE Dario Scannapieco. “Qed naħdmu bla waqfien biex inwasslu ammonti rekord ta’ riżorsi lis-swieq. Fl-ewwel sitt xhur immobilizzajna kważi €94 biljun, kważi 50% tal-mira tal-inizjattiva, dan se jiżgura li l-intraprendituri tal-UE jkollhom l-appoġġ li jeħtieġu.”
Il-FGE twaqqaf mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri tal-UE bħala protezzjoni għall-kumpaniji Ewropej li ntlaqtu ħażin mill-kriżi tal-COVID-19. Il-garanziji tal-FGE jaġixxu bħala inċentiv għall-intermedjarji finanzjarji biex isellfu aktar flus lill-kumpaniji f’kundizzjonijiet aħjar, billi jgħinu lin-negozji jaċċessaw finanzjament rapidu u vantaġġuż u jegħlbu r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
Informazzjoni ta' Sfond:
Il-Fond ta’ Garanzija Ewropew (FGE) twaqqaf mill-Grupp tal-BEI b’kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE għall-protezzjoni ta’ kumpaniji milquta mill-kriżi tal-COVID-19. Billi juża kważi €25 biljun f’garanziji, permezz tal-FGE il-BEI u l-FEI malajr ikunu jistgħu joffru self, garanziji, titoli ggarantiti b’assi, ekwità u strumenti finanzjarji oħrajn disponibbli għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fil-biċċa l-kbira. Il-FGE jagħmel parti mill-pakkett għall-irkupru tal-Unjoni Ewropea li għandu l-mira li jipprovdi total ta’ €540 biljun bħala spinta għal dawk il-partijiet tal-ekonomija tal-UE li ntlaqtu bl-agħar mod. L-għan tiegħu huwa li jiżgura li l-SMEs bi pjanijiet ta’ negozju sostenibbli jkunu jistgħu jiksbu l-likwidità biex jegħlbu l-avversitajiet relatati mal-COVID-19, u li n-negozji b’saħħithom ikunu jistgħu jiksbu l-appoġġ li jeħtieġu, sabiex jikbru.