- Il-Grupp tal-BEI ffirma €88 biljun f’finanzjament lil aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli f’oqsma ta’ politika ewlenin bħall-infrastruttura tat-trasport u l-mobbiltà urbana, l-enerġija u l-ilma, id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji ġodda, l-innovazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni affordabbli, l-edukazzjoni u l-appoġġ lill-SMEs
- Rekord ta’ €49 biljun investiti fil-finanzjament ekoloġiku
- Aktar minn €21 biljun investiti fis-sigurtà tal-enerġija
Fl-2023, il-Grupp tal-Bank Ewropew taI-Investiment iffirma kuntratti ta’ finanzjament ġodda għal proġetti ta’ impatt għoli fil-prijoritajiet għal-politika tal-EU, li jinkludu l-azzjoni għall-klima, l-infrastruttura sostenibbli, u l-kura tas-saħħa, il-President tal-BEI Nadia Calviño ħabbret illum fi Brussell.
“Madwar l-Ewropa kollha, il-Grupp tal-BEI qed iwettaq il-prijoritajiet tal-UE: jagħti impetu lill-kompetittività Ewropea u t-tmexxija tal-UE fit-teknoloġiji ekoloġiċi, u jgħin biex jassigura futur aktar sigur għan-nies fl-Unjoni kollha u madwar id-dinja,” qalet il-President Calviño.
“Il-Grupp żamm il-wegħdiet tiegħu. Laħaq u qabeż il-miri tiegħu fuq firxa ta’ prijoritajiet ewlenin tal-UE. Dawn se jissarrfu f’benefiċċji tanġibbli għalina lkoll, minn ilma tax-xorb aktar sikur għal trasport pubbliku aħjar, minn aċċess aħjar għall-vaċċini għal aktar kopertura mobbli tal-5G, mill-ħolqien tal-impjiegi u żieda fil-kompetittività għal sigurtà u effiċjenza fl-enerġija,” żiedet tgħid.
Bi €349 biljun ta’ investiment ekoloġiku mobilizzat sa mill-2021, il-Grupp miexi sew biex jilħaq l-għan ta’ €1 triljun ta’ finanzjament ekoloġiku appoġġat sat-tmiem tad-deċennju. €49 biljun kienu ffinanzjati direttament għall-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali fl-2023, żieda minn €38 biljun fl-2022.
Fl-2023, l-investimenti tal-Bank inkludew aktar minn €21 biljun bħala parti minn REPowerEU, inizjattiva mfassla biex tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili u taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika. Il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ffinanzjata se tkun tista’ tagħti provvista tad-dawl lil 13.8 miljun dar.
F’sena karatterizzata minn instabbiltà dejjem tikber madwar id-dinja, BEI Globali, il-fergħa tal-Grupp iddedikata għall-investimenti barra mill-UE, ipprovdiet aktar minn €8.4 biljun għal proġetti, fejn kważi nofshom għaddew lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u stati fraġli fid-dinja. B’mod ġenerali, il-finanzjament ta’ BEI Globali mmobilizza €27 biljun ta’ investimenti taħt l-inizjattiva Global Gateway tal-UE, li qiegħda f’pożizzjoni tajba li tilħaq €100 biljun taħt il-programm sal-2027. Barra minn kważi €2 biljun ta’ għajnuna lill-Ukrajna minn meta bdiet l-invażjoni mir-Russja, fl-2023 l-Bank stabbilixxa l-Fond EU4U, appoġġat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, biex jagħti spinta addizzjonali lir-reżiljenza ekonomika u r-rikostruzzjoni fl-Ukrajna.
Il-Grupp tal-BEI investa €19.8 biljun fl-innovazzjoni u €20 biljun biex jappoġġa intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Dan fil-biċċa l-kbira huwa bis-saħħa tal-investiment mill-Fond Ewropew ta’ Investiment, il-fornitur speċjalizzat tal-Grupp tal-BEI għall-finanzjament ta’ riskju, li s-sena li għaddiet iffirma qrib €15-il biljun ta’ investimenti. Dan jinkludi €1 biljun taħt l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Promoturi tat-Teknoloġija biex jitkabbru n-negozji ġodda f’teknoloġiji fixkiela u tittejjeb il-kompetittività tal-Ewropa. Fost investimenti oħrajn iffokati fuq l-innovazzjoni, il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI inkludew 19-il proġett tal-intelliġenza artifiċjali. “Fi żmien ta’ kundizzjonijiet diffiċli għall-investiment, il-Grupp tal-BEI huwa lest li jaqdi r-rwol kontroċikliku tiegħu, li jikkumplimenta l-baġit tal-UE u jappoġġa lill-Istati Membri tal-UE u l-ekonomiji tagħna, fejn jirrispondi għad-domanda qawwija mal-Ewropa kollha, b’mod partikolari mis-settur privat,” qalet il-President Calviño.
“Iżda nafu li l-isfidi li naffaċċjaw jitolbu sforz ferm akbar, u aħna nistgħu ngħinu lill-Ewropa tagħmel dan eżattament. Biss biss din il-ġimgħa, il-Grupp tal-BEI se jħabbar proġetti ġodda fl-Iżvezja, fir-Rumanija, fl-Italja, fi Spanja, fi Franza, fil-Polonja, fil-Litwanja u fil-Bulgarija biex jappoġġa teknoloġiji ekoloġiċi ġodda minn stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal linji tal-ferrovija, manifattura ekoloġika tal-azzar u soluzzjonijiet solari.”
Il-finanzjament tal-Grupp fl-2023 huwa mistenni li jappoġġa madwar €320 biljun f’investiment, u jilħaq 400,000 kumpanija u jappoġġa 5.4 miljun impjieg. Aktar minn 45% tal-finanzjament tal-Grupp fi ħdan l-UE mar biex jappoġġa r-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn kważi 20% marru għal reġjuni inqas żviluppati fl-UE, fejn il-prodott domestiku gross għal kull ras huwa inqas minn 75% tal-medja tal-UE. Fl-1 ta’ Frar 2024 l-Grupp se jħabbar tqassim pajjiż b’pajjiż tar-riżultati tiegħu tal-2023.
“Il-Grupp tal-BEI joffri valur lil kull pajjiż u kull settur tal-ekonomija tal-UE. Nagħtu kontribut sod għall-innovazzjoni, l-inklużjoni, is-sigurtà ekonomika u l-kompetittività fil-kontinent tagħna, u niżguraw li naħdmu ma’ sħab kullimkien biex inżidu l-impatt tal-ħidma komuni tagħna,” tgħid il-President Calviño.
Test tad-diskors tal-President Calviño u live stream
Informazzjoni ta’ sfond
Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Huwa jiffinanzja investiment sod li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE, inkluża t-tranżizzjoni ġusta globali lejn in-newtralità klimatika.
Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jagħmel parti mill-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-missjoni ċentrali tiegħu hija li jappoġġa l-intrapriżi Ewropej ta’ daqs mikro, żgħir u medju (SMEs) billi jgħinhom jaċċessaw il-finanzjament. Il-FEI ifassal u jiżviluppa kapital ta' riskju u tkabbir, garanziji u strumenti ta' mikrofinanzjament li għandhom fil-mira speċifikament dan is-segment tas-suq. F'dan ir-rwol, il-FEI jikkontribwixxi għall-insegwiment tal-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE bħall-kompetittività u t-tkabbir, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, l-impatt soċjali, il-ħiliet u l-kapital uman, l-azzjoni dwar il-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, u aktar.