>@EIB
  • Dan il-ftehim se jippromwovi l-mobilità sostenibbli, il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded, l-effiċjenza fl-enerġija u r-riċiklaġġ
  • Iffirmat ukoll ftehim li permezz tiegħu l-BEI se jipprovdi lill-MDB servizzi ta’ konsulenza biex jiġu identifikati u implimentati proġetti ekoloġiċi u sostenibbli

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) qed jissieħbu biex jagħtu spinta lit-transizzjoni ekoloġika tal-kumpaniji żgħar u medji u tal-entitajiet tas-settur pubbliku. Għal dan l-għan, il-BEI se jipprovdi lill-MDB b’self ta’ €30 miljun biex jiffinanzja investimenti ekoloġiċi żgħar iżda meħtieġa, b’kundizzjonijiet favorevoli.

Permezz ta’ dan il-ftehim ġdid, l-MDB se jipprovdi aċċess għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), mid-caps u awtoritajiet lokali li jridu jinvestu fi proġetti li jagħtu kontribut għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. L-MDB se jgħaddi l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli tal-BEI lill-benefiċjarji finali, biex l-entitajiet li jippjanaw li jinvestu fi proġetti sostenibbli jiffrankaw spejjeż sostanzjali u jkunu jistgħu jissellfu iktar fit-tul. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-BEI se jkun qed jagħmel użu mill-pożizzjoni fis-suq u l-kuntatti lokali tal-MDB mal-banek kummercjali f’Malta.

L-investimenti eliġibbli taħt dan il-programm jinkludu firxa wiesa’ ta’ inizjattivi ekoloġiċi fosthom infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, installazzjonijiet fotovoltajiċi solari, effiċjenza fl-enerġija f’bini pubbliku u privat, kif ukoll proġetti ta’ riċiklaġġ tal-iskart.

Aktar minn hekk, barra mill-finanzjament ta’ €30 miljun, ftehim separat bejn iż-żewġ istituzzjonijiet se jippermetti lill-MDB biex jibbenefika mis-servizzi ta’ konsulenza tal-BEI biex jespandi l-kapaċità u l-finanzjament tiegħu fil-qasam tas-sostenibbiltà ambjentali. Is-servizzi ta’ konsulenza tal-bank tal-UE – żviluppati taħt il-programm Green Gateway imniedi mill-BEI u l-Kummissjoni Ewropea se jgħinu lill-MDB biex jibni l-kapaċità tiegħu biex jidentifika u jevalwa l-eliġibilità ta’ proġetti ekoloġiċi filwaqt li jappoġġjahom fir-rappurtaġġ lill-BEI.

Din is-sħubija mhux biss se jkollha impatt ambjentali pożittiv iżda se tappoġġja wkoll l-impjiegi f’Malta permezz tal-finanzjament ta’ investimenti privati u pubbliċi fuq skala iżgħar madwar il-pajjiż.

Il-Viċi-President tal-BEI Gelsomina Vigliotti qalet: “Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn tal-BEI li jixpruna tkabbir ekonomiku sostenibbli u responsabbiltà ambjentali f'Malta. Is-servizzi ta’ konsulenza provduti taħt il-Green Gateway se jkunu kruċjali għall-impenn tal-MDB biex isaħħaħ it-transizzjoni ekoloġika tal-SMEs, l-awtoritajiet lokali u l-komunitajiet lokali madwar il-pajjiż, u biex tkompli tissaħħaħ l-azzjoni favur il-klima kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku”.

Iċ-Chairman tal-MDB Prof Josef Bonnici qal: “Bħala l-uniku bank promozzjonali f’Malta, l-MDB hu impenjat biex ikompli jgħin lill-ekonomija lokali tikber b’mod sostenibbli. Grazzi għall-kollaborazzjoni tal-MDB mal-BEI, l-MDB se jkun f’pożizzjoni aħjar biex iniedi skemi u jappoġġja lin-negozju u lill-entitajiet tas-settur pubbliku biex jagħti kontribut għall-miri ta’ Malta marbuta mal-klima”.

Informazzjoni ta’ Sfond

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ self fit-tul tal-Unjoni Ewropea, proprjetà tal-Istati Membri. Dan jipprovdi finanzjament fit-tul għal investimenti sodi li jagħtu kontribut għall-politika tal-UE. Il-Bank jiffinanzja proġetti f’erba’ oqsma ta’ priorità: infrastruttura, innovazzjoni, klima u ambjent, u intrapriżi żgħar u medji (SMEs).

Green Gateway 

Iffinanzjat mill-fondi tal-InvestEU Advisory Hub, il-programm ta’ konsulenza Green Gateway inħoloq mill-BEI flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej ikunu jistgħu jinvestu fi proġetti ekoloġiċi. Is-servizzi ta’ konsulenza ta’ Green Gateway għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet, il-proċeduri u l-għodda operattivi tal-intermedjarji finanzjarji tal-BEI biex issir promozzjoni tal-ippjanar, l-għażla u finanzjament tal-inizjattivi b’impatt ambjentali pożittiv. Il-Green Gateway toffri wkoll portal elettroniku mimli linji gwida, studji ta’ każijiet u informazzjoni utli dwar investiment ekoloġiku. Il-portal jipprovdi aċċess għal Green Eligibility Checker, għodda li tippermetti l-assessjar tal-eliġibilità u l-impatt fuq il-klima ta’ proġetti ta’ investiment fl-ekonomija l-ħadra f’setturi differenti.