Kumpanija timmodernizza n-network 5G tal-gżira f’Malta, u tipprovdi kopertura u konnettività aħjar għal xogħol mill-bogħod u żvilupp ekonomiku

Immaġina li qiegħed fuq btala f’Malta. Qed iżżur Għawdex, gżira żgħira u trankwilla fil-punent tal-gżira ewlenija. Qed tirrilassa f’waħda mill-bajjiet sbieħ tagħha. Imdawwar bil-baħar kaħlani ċar daqs il-kristall u l-pajsaġġ tax-xagħri salvaġġ, tagħlaq għajnejk u tidħol f’nagħsa ħelwa. Hekk kif ix-xemx tibda nieżla, tqum maħsud u tirrealizza li trid taqbad triqtek lura għal-lukanda. Iżda l-mowbajl tiegħek mhux jaqbad ma’ network, u għalhekk ma tkunx tista’ tiċċekkja l-ħinijiet tal-vapur biex tmur lura.

Epic Communication, magħrufa bħala Epic, tixtieq tiżgura li dan ma jseħħx — billi tintroduċi network 5G aħjar fil-gżira.

“Se naġġornaw aktar minn 300 sit b’teknoloġija ġdida, li se tippermettilna nimplimentaw il-5G mal-gżira kollha,” jgħid Antoine Galea, l-uffiċjal kap tat-teknoloġija u l-informazzjoni ta’ Epic. “Biex nappoġġjaw in-network il-ġdid, se nespandu wkoll il-kopertura tal-fibra ottika tagħna għal aktar żoni fil-pajjiż.”

>@Epic
© Epic

Il-Bank Ewropew tal-Investiment iffirma self ta’ €20 miljun ma’ Epic f’April 2022. Billi jipprovdi veloċitajiet, konnettività, u kopertura aħjar, il-proġett se jgħin lir-residenti, lin-negozji, u l-ekonomija ta’ Malta.

Għaliex konnessjoni tajba hija importanti

L-importanza tal-konnettività tan-network qatt ma tista’ tiġi enfasizzata żżejjed fl-era diġitali tal-lum. Aħna niddependu kuljum fuq konnettività bla xkiel biex ninnavigaw għadd kbir ta’ xogħlijiet, minn komunikazzjoni u divertiment għal negozju u edukazzjoni. Għandha wkoll irwol ċentrali fl-ekonomija moderna billi trawwem l-innovazzjoni, it-trasformazzjoni diġitali u tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika. Network affidabbli u robust jista’ jtejjeb ix-xogħol mill-bogħod, it-telexogħol u l-konnettività globali, filwaqt li jattira l-investiment, jagħti spinta lill-produttività u jsaħħaħ il-kompetittività ekonomika.

Bħala stat gżira żgħir, Malta tiddependi ħafna fuq setturi bħat-turiżmu, il-finanzi u t-teknoloġija tal-informatika. Network aħjar jista’ jsaħħaħ dawn is-setturi billi jipprovdi konnettività aktar mgħaġġla u aktar stabbli, li tkun ta’ benefiċċju għan-negozji, l-intraprendituri u l-viżitaturi.

“Li jkollok konnettività affidabbli biex tniżżel affarijiet ġodda u tikkomunika malajr hija integrali għal gżira,” jgħid Galea. “Malta teħtieġ li tkun konnessa mal-bqija tad-dinja sabiex tibqa’ kompetittiva u biex timxi ’l quddiem.”



Nappoġġjaw it-trasformazzjoni diġitali ta’ Malta

Il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura mobbli ġġib magħha spejjeż kbar u hija ta’ sfida. Teħtieġ ippjanar estensiv, l-installazzjoni ta’ torrijiet ġodda jew it-titjib ta’ dawk eżistenti, u l-indirizzar ta’ tħassib relatat mal-estetika u s-saħħa.

B’dan is-self, Epic tista’ tkompli l-pjan ta’ espansjoni tan-network tagħha u t-tnedija tan-network 5G tagħha biex tilħaq kopertura nazzjonali fil-pajjiż sal-2023. Il-finanzjament se jgħin ukoll lil Epic timplimenta infrastruttura ultraveloċi fibre-to-the-home f’partijiet ta’ Malta.

>@aquatarkus/Shutterstock
©aquatarkus/ Shutterstock

Il-finanzjament huwa konformi mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti ta’ Malta 2021–2027, li għandha l-għan li tappoġġja t-trasformazzjoni diġitali u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tal-gżira.

“Aħna konna l-ewwel kumpanija tal-mowbajls li daħħlet il-4G f’Malta, u issa wasal iż-żmien biex nibnu network ġdid,” jgħid Galea. “Il-finanzjament jagħtina l-kredibbiltà u jgħinna biex naċċelleraw il-proġett.”



Futur aktar konness

Malta trid issir powerhouse diġitali Ewropea sal-2031. Biex jinkiseb dan, il-gvern adotta pjan ekonomiku ta’ 10 snin ibbażat fuq ħames pilastri:

  • tkabbir ekonomiku sostenibbli
  • infrastruttura
  • edukazzjoni
  • governanza tajba
  • l-ambjent.

“It-titjib tal-infrastruttura fiżika u diġitali u l-konnettività ta’ Malta huma kruċjali għall-viżjoni ta’ Malta,” jgħid Andreas Gavira Etzel, inġinier f’kariga għolja fil-Bank Ewropew tal-Investiment, li ħadem fuq il-ftehim. “Il-proġett ta’ Epic se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dan il-għan u se jagħti spinta lit-trasformazzjoni kritika tad-diġitalizzazzjoni biex jippromwovi attivitajiet ta’ innovazzjoni f’Malta.”

Il-proġett għandu dimensjoni soċjali wkoll.

Il-poplu ta’ Malta se jkun jista’ jaċċessa servizzi aħjar u teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda, li jibdlulhom ħajjithom ta’ kuljum. Servizzi mtejba tal-broadband se jgħinu lin-nies jaħdmu b’mod flessibbli. Dan se jżid ukoll l-impjiegi billi jħeġġeġ aktar kumpaniji biex jistabbilixxu ruħhom fil-pajjiż.