- Kyriacos Kakouris maħtur membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bank tal-UE
- Huwa laħaq wara Lilyana Pavlova, li kienet Viċi President tal-BEI sa mill-2019
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu pjaċir iħabbar il-ħatra ta’ Kyriacos Kakouris għall-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu. Wara deċiżjoni mill-azzjonisti tal-Bank – l-Istati Membri tal-UE – Kakouris inħatar bħala l-ewwel Viċi President tal-BEI minn Ċipru li qatt kellu.
Imħarreġ bħala ekonomista, Kakouris serva fuq il-Bord tad-Diretturi tal-BEI għal kważi 20 sena, inklużi ftit snin bħala Chairperson tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità tal-Bank. Qabel il-ħatra tiegħu bħala Viċi President tal-BEI, huwa kien id-Direttur tal-Istrateġija u l-Koordinazzjoni u qabel dan, tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u l-Ġestjoni Finanzjarja tal-Gvern Ċentrali mal-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.
“Jien ġejt innominat minn Ċipru biex naqdi fuq il-Bord tad-Diretturi tal-BEI minn meta pajjiżna ngħaqad mal-UE, u jien rajt li l-Bank huwa strument formidabbli biex jinkisbu objettivi kollettivi, li jidderieġi finanzjament tant meħtieġ għall-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u l-innovazzjoni,” qal Kakouris. “Huwa ta’ unur li lħaqt Viċi President ta’ istituzzjoni li tappoġġa tant varjetà ta’ setturi dejjem għall-benefiċċju tan-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.”
Kakouris laħaq wara Lilyana Pavlova, li kienet Viċi President sa minn Novembru 2019.
“Kyriacos kien id-direttur tal-BEI li serva l-aktar fit-tul, u ser ikun par idejn sodi fil-Kumitat ta’ Tmexxija tagħna f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida għall-Ewropa u għad-dinja,” qal Werner Hoyer, il-President tal-BEI. “Nixtieq nirringrazzja lil Lilyana għas-servizzi tassew imprezzabbli tagħha matul dawn l-aħħar erba’ snin u nawguralha għall-impenji futuri tagħha.”
“Matul dawn l-aħħar erba’ snin, jiena kelli l-privileġġ distint li nagħmel parti mill-familja tal-Grupp tal-BEI u li naħdem mill-qrib ma’ kollegi u kontropartijiet iddedikati,” qalet Pavlova. “Fi żminijiet ta’ inċertezza, aħna għaddejna minn sfidi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li ħallew impatt dewwiemi fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea kollha u lil hinn minnha. Jien ninsab kuntenta li s-suċċessur tiegħi huwa l-Viċi President Kyriacos Kakouris li jaf il-Bank sew u nawguralu r-risq fir-rwol il-ġdid tiegħu.
Il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa l-korp eżekuttiv kolleġġjali permanenti tal-BEI. Għandu disa’ membri – il-President u tmien Viċi Presidenti. Taħt l-awtorità tal-President u s-superviżjoni tal-Bord tad-Diretturi, huwa jissorvelja t-tmexxija ta’ kuljum tal-BEI, iħejji deċiżjonijiet għad-Diretturi u jiżgura li dawn jiġu implimentati. Il-membri tiegħu jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi, li jikkonsisti mill-ministri tal-finanzi tal-UE, fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi.
Dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment
Il-Grupp tal-BEI huwa l-istituzzjoni ta’ finanzjament fit-tul tal-UE, u s-sidien tiegħu huma l-Istati Membri tagħha. Dan jikkonsisti fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Jiffinanzja investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika tal-UE, li jinkludu l-koeżjoni soċjali u territorjali, il-kompetittività, l-innovazzjoni, u t-tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika.
B’rispons għall-gwerra fl-Ukrajna, il-BEI għolla l-volumi ta’ finanzjament tiegħu għal enerġija nadifa għal rekord, fejn jappoġġa investiment kritiku meħtieġ biex jgħin lill-Ewropa teħles mill-ktajjen tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili. Il-bank tal-UE żied ukoll il-finanzjament tiegħu għal proġetti tas-sigurtà għal livelli mingħajr preċedent.
Il-BEI kien l-ewwel bank multilaterali tal-iżvilupp li temm l-appoġġ għall-fjuwils fossili u impenja ruħu li jappoġġa €1 triljun f’investiment klimatiku dan id-deċennju. Aktar min-nofs l-għoti ta’ self tal-Grupp tal-BEI fl-2022 kien iddedikat għal proġetti tal-klima u s-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li kważi nofs il-finanzjament tal-BEI ġewwa l-UE kien iffirmat għal proġetti f’reġjuni tal-koeżjoni, fejn id-dħul għal kull ras huwa aktar baxx, u dan jenfasizza l-impenn tal-Bank għal tkabbir ekwu.
Il-Grupp tal-BEI huwa l-promotur tal-innovazzjoni tal-Ewropa. Il-FEI jappoġġa lill-SMEs tal-Ewropa billi jtejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ intermedjarji finanzjarji magħżula, bħall-banek, il-kumpaniji ta’ garanzija u ta’ lokazzjoni, il-fornituri ta’ mikrokreditu u l-fondi ta’ ekwità privata. Il-FEI jiddisinja u joffri strumenti ta’ ekwità u ta’ finanzjament tad-djun li jrawmu l-objettivi tal-UE, u jingrana l-għodda ta’ finanzjament tal-UE, bħall-programm InvestEU, biex jappoġġa l-intraprenditorija, it-tkabbir, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tranżizzjoni diġitali u l-impjiegi. Aktar kmieni din is-sena, nieda l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Promoturi tat-Teknoloġija, Fond ta’ Fondi ambizzjuż li jimmira li jiżgura li l-pijunieri tat-teknoloġija li jitrawmu fl-Ewropa jibqgħu fl-Ewropa.
L-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu minn BEI Globali. Bħala sieħeb importanti fil-Global Gateway tal-UE, nimmiraw li nappoġġaw investiment tal-anqas ta’ €100 biljun sal-2028, terz mill-mira tal-istrateġija. B’uffiċċji madwar id-dinja, il-BEI Globali huwa qrib in-nies, id-ditti u l-istituzzjonijiet lokali, u jrawwem sħubijiet b’saħħithom ta’ Tim Ewropa ma’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżvilupp.
Għal aktar informazzjoni dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI ara hawn.