- Il-President Nadia Calviño taqsam il-viżjoni tagħha għall-ġejjieni tal-Grupp tal-BEI f’laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin) f’Ghent.
- Fil-qalba tal-approċċ hemm pjan ta’ appoġġ għat-tmexxija tal-Ewropa fiż-żewġ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex jingħalaq id-distakk tal-investiment fl-innovazzjoni, fit-teknoloġiji ġodda, fl-infrastrutturi fiżiċi u soċjali għall-benefiċċju tar-reġjuni, tan-negozji u taċ-ċittadini tal-Ewropa.
- Il-President tal-BEI ddeskriviet ukoll il-pjanijiet biex jissaħħaħ il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI għas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa, b’enfasi aktar b’saħħitha fuq it-teknoloġiji ġodda, l-infrastruttura kritika bħall-kontroll tal-fruntieri, iċ-ċibersigurtà, l-ispazju u t-teknoloġiji b'użu doppju bħad-droni, sabiex tingħat spinta ġdida ta’ appoġġ għal sħubijiet ġodda u aktar b’saħħithom. Bħalissa tinsab għaddejja ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn dwar l-ambitu u d-definizzjoni tat-teknoloġiji b’“użu doppju”.
Il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Nadia Calviño illum qasmet mal-Ministri tal-Finanzi tal-UE strateġija ambizzjuża biex inkomplu nibnu fuq il-punti b’saħħithom tal-Grupp tal-BEI, biex niffukaw fuq it-tmien prijoritajiet tal-politika ewlenin u biex jintuża l-potenzjal sħiħ tal-istituzzjoni sabiex tingħata spinta lit-tkabbir, lill-koeżjoni territorjali u soċjali, u jingħata appoġġ għat-tmexxija Ewropea fiż-żewġ tranżizzjonijiet, dik ekoloġika u dik diġitali, kif ukoll biex jiżdiedu l-kompetittività, l-awtonomija strateġika miftuħa u s-sigurtà ekonomika.
Id-diskussjoni, li saret waqt il-laqgħa informali tal-Ecofin f’Ghent, kienet l-ewwel skambju strateġiku ta’ fehmiet bejn il-Gvernaturi tal-BEI u l-president il-ġdid tiegħu, li bdiet taqdi l-kariga tagħha fl-1 ta’ Jannar 2024.
Il-laqgħa ġiet wara bosta ġimgħat intensivi ta’ laqgħat ta’ involviment bejn il-president u l-azzjonisti individwali tal-Bank, li matulhom Calviño żaret bosta bliet kapitali u ltqagħet ma’ ministri u kapijiet ta’ gvernijiet.
Fil-qalba tal-approċċ li tħabbar illum f’Ghent mill-president tal-Grupp tal-BEI hemm l-għeluq tad-distakk tal-investiment fl-innovazzjoni, fit-teknoloġiji ġodda, fl-instrattura fiżika u soċjali, fi ħdan u lil hinn mill-Unjoni Ewropea, għall-benefiċċju tar-reġjuni, tan-negozji u taċ-ċittadini Ewropej.
L-inizjattivi ġodda li ġew ippreżentati għandhom l-għan li jiffukaw fuq investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, fit-tranżizzjoni fl-enerġija, fid-diġitalizzazzjoni u f’teknoloġiji ġodda. Dawn jinkludu wkoll pjanijiet biex jissaħħaħ l-investiment fis-sigurtà u d-difiża, biex jiżdied l-appoġġ għal u l-espansjoni ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs), ir-rinfurzar tal-koeżjoni territorjali u l-infrastruttura soċjali, f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni affordabbli, u biex isir investiment fl-agrikoltura u l-bijoteknoloġija. Barra mill-Unjoni Ewropea, il-fokus tal-istrateġija huwa biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna u proċess ta’ tkabbir li jirnexxi, kif ukoll għall-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE.
“Jiena nilqa’ d-diskussjonijiet kostruttivi tallum mal-ministri tal-finanzi tal-UE, ippreseduti mill-presidenza Belġjana. L-approvazzjoni qawwija tal-istrateġija tagħna min-naħa tal-ministri se tgħinna nkomplu nibnu fuq il-punti b’saħħithom tal-Grupp tal-BEI u nużaw dan l-istrument b’saħħtu sal-potenzjal sħiħ tiegħu biex nappoġġjaw il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE u nindirizzaw b’suċċess l-isfidi globali tal-lum,” qalet il-President Calviño.
Il-laqgħa tallum kienet ippreseduta mill-Ministru tal-FInanzi tal-Belġju u l-President tal-Bord tal-BEI, Vincent Van Peteghem. Huiwa qal, “l-Ewropa qiegħda tiffaċċja sfidi tremendi, li jeħtieġu finanzjament tremend. Bħala l-akbar bank multilaterjali fid-dinja, il-BEI jista’ jgħin lill-gvernijiet biex jimmobilizzaw il-fondi meħtieġa biex jiffinanzjaw l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw, bħad-difiża, il-klima u l-kompetittività. Il-BEI għandu l-ħila esperta u l-għodod meħtieġa biex jinvolvi lis-settur privat. Billi jpoġġi t-timbru tal-kwalità fuq ċerti proġetti ta’ investiment, il-BEI jagħti kredibbiltà b’saħħitha lil proġetti aktar riskjużi, u b’hekk jippermetti lill-investituri privati biex jinvolvu ruħhom.”
Nibnu fuq il-punti b’saħħithom tal-Grupp tal-BEI, niffukaw fuq it-tmien prijoritajiet ewlenin
Il-President Calviño ippreżentat ġabra ta’ tmien prijoritajiet ewlenin lill-ministri li se jgħinu biex tinbena ekonomija aktar reżiljenti, ġusta u kompetittiva: il-konsolidazzjoni tal-bank tal-klima; l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni; it-tisħiħ tal-investiment fis-sigurtà u d-difiża; il-kontribut lejn politika ta’ koeżjoni moderna; l-iżvilupp ta’ finanzjament innovattiv għall-agrikoltura u l-bijoekonomija; it-tisħiħ tal-investiment fl-infrastruttura soċjali; l-introduzzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-iffukar tal-attivitajiet barra l-UE fuq l-istrateġija tal-Global Gateway, l-Ukrajna, u proċess ta’ tkabbir li jirnexxi.
Il-President tal-BEI ddeskriviet ukoll il-pjanijiet biex jissaħħaħ il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI għas-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa, b’enfasi aktar b’saħħitha fuq it-teknoloġiji ġodda, l-infrastruttura kritika bħall-kontroll tal-fruntieri, iċ-ċibersigurtà, l-ispazju u t-teknoloġiji b'użu doppju bħad-droni. L-istrateġija tinkludi wkoll appoġġ ġdid għal sħubijiet ġodda u aktar b’saħħithom. “Bħalissa tinsab għaddejja ħidma mal-Kummissjoni Ewropea u partijiet ikkonċernati ewlenin oħrajn dwar l-ambitu u d-definizzjoni tat-teknoloġiji b’‘użu doppju’,” kompliet tgħid.
Fost is-suġġetti li ġew diskussi kien hemm ukoll il-ħolqien ta’ għodod ta’ finanzjament ġodda għal teknoloġiji strateġiċi, bħaċ-ċipep, kif ukoll għal setturi ewlenin oħrajn tal-ekonomija, b’mod l-aktar partikolari n-negozji żgħar u ta’ daqs medju.
Wara d-diskussjoni mal-Ecofin, il-Grupp tal-BEI se jaħdem mal-Bord tad-Diretturi tiegħu biex jesplora u jirfina proposti għal:
- Programm ta’ effiċjenza tal-enerġija għall-SMEs biex issir espansjoni ta’ grupp tal-qalba ta’ teknoloġiji ekoloġiċi u ekonomikament effiċjenti.
- programm ġdid tal-ilma li jgħin lill-bliet, reġjuni u negozji, b’mod speċjali l-bdiewa u s-settur agrikolu, biex jimmaniġġjaw l-impatt tan-nixfiet u l-għargħar, u biex tiżdied l-effiċjenza u jiġi diġitalizzat iċ-ċiklu tal-ilma;
- programm ġdid FASTER biex jiġu aċċelerati d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
- l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji tal-UE li jistgħu jiffurmaw il-blokok għall-bini tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
L-użu tal-potenzjal sħiħ tal-Grupp tal-BEI biex jingħalaq id-distakk fl-investiment
L-għeluq tad-distakk fl-investiment għas-suċċess tal-Ewropa fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jeħtieġ il-mobilizzazzjoni sħiħa ta’ riżorsi pubbliċi, l-eliminazzjoni tal-burokrazija, it-tnaqqis taż-żmien sakemm prodott jasal sas-suq u l-inklużjoni tas-settur privat.
Il-President Calviño ippreżentat ukoll pjanijiet ambizzjużi biex tiżdied l-effiċjenza fl-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI, pereżempju billi l-proċessi jsiru aktar effiċjenti u diġitali, biex b’hekk jitnaqqas iż-żmien biex il-proġetti jiġu approvati u mwettqa fil-prattika.
Il-BEI huwa d-driegħ finanzjarju tal-UE, b’karta tal-bilanċ ta’ aktar minn EUR 550 biljun, pożizzjoni finanzjarja soda u track-record bla paragun ta’ investiment f’infrastruttura maġġuri, fil-klima u fl-innovazzjoni.
Il-BEI jaġixxi bħala katalist għall-investiment privat (għal kull euro ta’ kapital tal-BEI li jintuża, jiġu mmobilizzati 40 euro ta’ investiment) u għandu rwol kontroċikliku li jikkontribwixxi għall-istabbiltà ekonomika. Dan jipprovdi bażi qawwija ħafna biex tingħata spinta għall-attivitajiet fis-snin li ġejjin.
Informazzjoni ta’ sfond
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jiffinanzja investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika. Il-proġetti tal-BEI jsaħħu l-kompetittività, jixprunaw l-innovazzjoni, jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, itejbu l-koeżjoni soċjali u territorjali, u jappoġġjaw tranżizzjoni ġusta u rapida għan-newtralità klimatika.
Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma total ta’ €88 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett fl-2023, li €49 biljun minnhom marru għal investimenti ekoloġiċi. Dawn l-impenji huma mistennija li jimmobilizzaw madwar €320 biljun f’investiment, li jappoġġa 400 000 kumpanija u 5.4 miljun impjieg.
Il-proġetti kollha ffinanzjati mill-Grupp tal-BEI huma konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Qegħdin fit-triq it-tajba biex inwettqu l-impenn tagħna li nappoġġjaw €1 triljun f’investiment fil-klima u s-sostenibbiltà ambjentali fid-deċennju sal-2030 kif imwiegħed fil-Pjan Direzzjonali tal-Bank dwar il-Klima tagħna. Aktar minn nofs il-finanzjament annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġja proġetti li jikkontribwixxu direttament għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għaliha, u għal ambjent aktar b’saħħtu.
Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa mmirat lejn ir-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul per capita huwa aktar baxx. Dan juri l-impenn tal-Bank biex irawwem tkabbir inklużiv u l-konverġenza tal-istandards tal-għajxien kif ukoll tranżizzjoni ekoloġika ġusta fi ħdan l-Unjoni Ewropea.