Recherche Fr menu fr ClientConnect
Recherche
Résultats
5 premiers résultats de la recherche Voir tous les résultats Recherche avancée
Recherches les plus fréquentes
Pages les plus visitées
    ©Vio Dudau/EIB
    • Il-Ministri tal-UE, li ltaqgħu bħala Bord tal-Gvernaturi tal-BEI, approvaw formalment il-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-Grupp tal-BEI li jistabbilixxi tmien prijoritajiet ewlenin għall-fergħa ta’ finanzjament tal-UE.
    • It-tmien prijoritajiet jinkludu l-azzjoni dwar il-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, l-investimenti b’impatt barra l-UE u l-kontribut għat-tisħiħ tas-swieq kapitali tal-Ewropa.
    • Il-gvernaturi bdew ukoll il-proċess biex jibdlu l-istatut tal-BEI sabiex il-Grupp tal-BEI ikun jista’ juża l-potenzjal sħiħ tiegħu biex isostni l-ekonomija Ewropea, filwaqt li jippreservaw il-klassifikazzjoni tal-kreditu, l-ingranaġġ u l-pożizzjoni kapitali eċċezzjonali tal-Bank.

    L-introduzzjoni tal- Pjan Direzzjonali Strateġiku saret wara diversi xhur ta’ djalogu intensiv bejn il-President Nadia Calviño u l-gvernijiet tal-UE, l-imsieħba ewlenin u l-partijiet ikkonċernati, inklużi diskussjonijiet iddedikati waqt il-laqgħat tal-ECOFIN fi Frar u April.

    Il-Pjan Direzzjonali approvat jinkludi l-elementi ewlenin li ġejjin:

    It-tnedija ta’ programm ta’ investiment “Tech-EU Strateġiku” immirat biex iħaffef id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni f’teknoloġiji strateġiċi, bħall-intelliġenza artifiċjali, il-mikroċipep, ix-xjenzi tal-ħajja u l-computing kwantistiku. Din l-inizjattiva se tkopri l-katina tal-valur kollha, inkluża l-materja prima kritika, biex b’hekk se ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u trawwem l-innovazzjoni lokali.

    Wara l-mandat tal-Grupp tal-Euro, il-BEI se jespandi l-Inizjattiva taċ-Champions Ewropej tat-Teknoloġija biex jattira kapital privat għall-finanzjament tat-tkabbir ta’ negozji ġodda innovattivi.

    Dan se jirreplika wkoll il-mudell ta’ strumenti finanzjarji standardizzati f’oqsma oħra biex jiġi attirat investiment privat f’setturi bħall-effiċjenza fl-enerġija għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u r-rinnovazzjoni tal-bini. Dawn l-inizjattivi se jikkontribwixxu għall-avvanzament tal-unjoni tas-swieq kapitali tal-UE.

    Il-BEI se jsaħħaħ l-investimenti tiegħu u se jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda biex isaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea fil-ġestjoni tal-ilma u biex jappoġġja l-agrikoltura, il-bijoekonomija, u s-sigurtà tal-ikel. Dawn il-programmi se jipprovdu likwidità, se jiġbru r-riżorsi u se jneħħu r-riskji fuq l-investimenti.

    Barra mill-UE, il-Grupp tal-BEI se jsaħħaħ l-enfasi tiegħu fuq l-impatt, b’appoġġ lill-Ukrajna, billi jiżgura proċess ta’ tkabbir tal-UE ta’ suċċess, isaħħaħ is-sħubijiet internazzjonali mal-pajjiżi ġirien u jappoġġja l-aġenda strateġika tal-Global Gateway tal-UE fl-Afrika u madwar id-dinja bħala prijoritajiet ewlenin.

    Il-Ministri laqgħu l-passi konkreti li diġà ttieħdu biex jiġu implimentati dawn il-prijoritajiet, inklużi l-Pjan ta’ Azzjoni biex ikompli jiżdied l-appoġġ għall-industrija tas-sigurtà u tad-difiża tal-Ewropa, filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità finanzjarja tal-bank. Il-Grupp tal-BEI diġà adatta l-politika tas-self tiegħu biex jestendi l-ambitu tal-investimenti li jistgħu jiġu ffinanzjati fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża, inklużi l-mobbiltà militari, il-protezzjoni tal-fruntieri u infrastrutturi kruċjali oħra, it-tneħħija tal-mini u d-dekontaminazzjoni, iċ-ċibersigurtà, l-ispazju, ir-R&Ż u teknoloġiji u infrastrutturi oħra ta’ użu doppju.

     

     

    Il-gvernaturi taw ukoll bidu għall-proċess biex jagħmlu ċerti bidliet fl-istatut tal-BEI. F’konformità ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra, din il-bidla statutorja se tagħti lill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI l-kompetenza li jiddetermina l-proporzjon ta’ ingranaġġ, li jistabbilixxi massimu nominali għall-karta tal-bilanċ ta’ self pendenti bħala perċentwal tal-kapital sottoskritt.

    Il-proċedura leġiżlattiva għal din il-bidla statutorja issa se titmexxa ’l quddiem mill-korpi governattivi tal-BEI u mill-Kunsill, f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, u xi parlamenti nazzjonali.

    Soġġetti għall-istatut li se jinbidel, il-Gvernaturi qablu li jgħollu l-limitu tal-Proporzjon ta’ Ingranaġġ minn 250% għal 290%, li jippermetti lill-BEI biex iżomm il-volumi ta’ self annwali ppjanati għall-2024 u biex jimplimenta mandati u garanziji addizzjonali mill-baġit tal-UE, filwaqt li jippreserva l-proporzjonijiet tal-ingranaġġ u tal-kapital tiegħu. Dan se jipprovdi biżżejjed marġni ta’ manuvra għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku u għal investiment kruċjali f’oqsma bħall-enerġija nadifa, il-batteriji, il-koeżjoni soċjali u territorjali, u s-sigurtà u d-difiża, filwaqt li jsaħħaħ l-awtonomija strateġika Ewropea. Taħt il-limitu l-ġdid, il-BEI se jżomm il-proporzjon għoli ħafna ta’ kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni, li jkompli jissaħħaħ permezz ta’ miżuri interni biex jagħtu spinta lill-effiċjenza u l-profittabilità, u dan mingħajr impatt fuq il-kontribwenti Ewropej.

    Il-BEI se jkompli jinvesti aktar minn nofs il-finanzjament annwali tiegħu fl-azzjoni dwar il-klima, b’enfasi fuq l-enerġija nadifa u affordabbli, u se jibqa’ fit-triq it-tajba biex jappoġġja €1 triljun f’investiment ekoloġiku fid-deċennju kruċjali sal-2030. Il-Pjan Direzzjonali Strateġiku għandu wkoll pjanijiet biex kważi nofs is-self annwali tal-BEI jmur għal proġetti f’reġjuni ta’ koeżjoni. Dan, flimkien ma’ enfasi akbar fuq l-investiment fl-infrastrutturi soċjali, bħas-saħħa, l-akkomodazzjoni affordabbli u l-faċilitajiet tal-edukazzjoni, jenfasizza l-impenn tal-Grupp għal tkabbir ġust u l-konverġenza tal-istandards tal-għajxien.

    “Iċ-ċittadini u n-negozji jistennew li l-Ewropa tappoġġja investimenti għall-futur, li jtejbu ħajjithom, isaħħu s-sigurtà tagħhom u joffru opportunitajiet ġodda. Il-Pjan Direzzjonali Strateġiku tal-Grupp tal-BEI se jgħin biex jagħmel dan, billi jissalvagwardja l-prosperità, il-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño. “L-azzjonisti tagħna approvaw pjan ċar għas-snin li ġejjin, li jibni fuq il-ħiliet tal-Grupp tal-BEI u jwitti t-triq biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-impatt tiegħu, billi jsaħħaħ l-investiment fejn dan se jagħmel differenza.”

    Presidenzi Ġodda

    Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI, magħmul minn Ministri maħtura minn kull wieħed mis-27 Stat Membru, ġeneralment Ministri tal-Finanzi, laqa’ wkoll President ġdid tal-Gvernaturi, il-ħatra ta’ President ġdid tal-Kumitat tal-Verifika, kif ukoll approva r-rapport annwali tal-Kumitat tal-Verifika.

    Il-laqgħa annwali tal-lum kienet ippreseduta minn Vincent Van Peteghem, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi tal-Belġju. “Il-BEI huwa strument Ewropew formidabbli li jimmobilizza l-finanzjament pubbliku u privat lejn prijoritajiet ta’ investiment kondiviżi bejn l-Istati Membri,” qal Van Peteghem, filwaqt li għadda l-pożizzjoni ta’ rotazzjoni tal-President tal-Bord tal-Gvernaturi lill-Bulgarija. “Kien privileġġ u pjaċir li nippresjedi l-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank għal din l-aħħar sena, u ninsab kuntent b’mod speċjali li ngħaddi l-Presidenza wara deċiżjoni li tagħti s-setgħa lill-bank tal-UE biex jaħdem aktar fil-futur, abbażi ta’ Pjan Direzzjonali ċar.”

    “Bħala l-fergħa għall-finanzjament tal-UE, il-Grupp tal-BEI se jkompli jagħti finanzjament b’appoġġ għal prijoritajiet ewlenin ġewwa u barra mill-Unjoni. Il-Grupp tal-BEI għandu rwol kruċjali fl-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-koeżjoni u r-reġjuni l-aktar milquta mill-invażjoni tal-Ukrajna,” qalet il-Viċi Prim Ministru interim u Ministru tal-Finanzi tal-Bulgarija Lyudmila Petkova: “Il-kompetenza u l-pożizzjoni tal-kapital b’saħħitha tal-BEI se jkunu l-bażi biex iżomm l-irwol ewlieni tiegħu u biex jindirizza l-isfidi li ġejjin.”

    Bħala parti mir-rotazzjoni prevista mir-Regoli ta’ Proċeduri tal-BEI, il-presidenza tal-Kumitat tal-Verifika għaddiet għall-perjodu ta’ sena li jmiss minn Christoph Haas għand Nuno Gracias Fernandes. Waqt il-laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Kumitat tal-Verifika ppreżenta r-rapport annwali tiegħu li se jiġi ppubblikat fiż-żmien xieraq.

    Informazzjoni ta’ sfond

    Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Dan jiffinanzja investiment sod li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika tal-UE, inklużi l-kompetittività, l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll it-tranżizzjoni ġusta u rapida għan-newtralità klimatika.

    Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma total ta’ €88 biljun f’finanzjament ġdid is-sena li għaddiet. Dawn l-impenji se jiffinanzjaw aktar minn 900 proġett u huma mistennija li jimmobilizzaw madwar €320 biljun f’investiment, li se jilħaq 400,000 kumpanija u jappoġġja 5.4 miljun impjieg.

    Madwar 90% tas-self tal-Grupp tal-BEI jiffinanzja investimenti ġewwa l-UE, filwaqt li 10% huwa mmirat lejn proġetti barra mill-UE u lejn alleanzi strateġiċi globali, pereżempju mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-UNICEF.

    Il-proġetti l-ġodda kollha ffinanzjati mill-Grupp tal-BEI huma allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, filwaqt li l-investimenti fi fjuwils fossili b’emissjonijiet mhux imnaqqsa mhumiex eliġibbli għall-finanzjament. Il-Grupp tal-BEI qiegħed fit-triq it-tajba biex iwettaq l-impenn tiegħu li jappoġġja €1 triljun f’investiment fil-klima u s-sostenibbiltà ambjentali fid-deċennju sal-2030, kif imwiegħed fil-Pjan Direzzjonali tal-Bank dwar il-Klima tiegħu. Aktar minn nofs il-finanzjament annwali tal-Grupp tal-BEI huwa ffirmat għal proġetti li jikkontribwixxu b’mod dirett għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament, u ambjent aktar f’saħħtu, filwaqt li kważi nofs il-finanzjament tal-BEI fl-UE imur f’reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul per capita huwa aktar baxx. Dan jenfasizza l-impenn tal-Bank għal tkabbir ġust u l-konverġenza tal-istandards tal-għajxien.

    Contact

    Référence

    2024-214-MT

    Partager