Suche starten De menü de ClientConnect
Suche starten
Ergebnisse
Top-5-Suchergebnisse Alle Ergebnisse anzeigen Erweiterte Suche
Häufigste Suchbegriffe
Meistbesuchte Seiten
©Allain Bachellier/ Getty images

Kważi n-nies kollha f’Malta jagħrfu l-ħtieġa li jadattaw l-istil tal-ħajja tagħhom għall-effetti tat-tibdil fil-klima, skont l-Istħarriġ dwar il-Klima annwali kkummissjonat mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Ir-rispondenti kklassifikaw it-tibdil fil-klima fit-tieni post wara l-għoli tal-ħajja fost l-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżhom. Kważi kollha kemm huma jemmnu li l-investiment fl-adattament issa  iżda  jipprevjeni spejjeż ogħla fil-ġejjieni.


Sejbiet ewlenin

  • 99% tar-rispondenti Maltin jgħidu li huwa importanti għal pajjiżhom biex jadatta għat-tibdil fil-klima. Fosthom, 77% jgħidu li jeħtieġ li jingħata prijorità.
  • 97% jaqblu li issa huwa meħtieġ infiq immedjat fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima sabiex jiġu evitati spejjeż ogħla fil-ġejjieni.

Hekk kif id-diżastri naturali jiżdiedu fil-frekwenza u s-severità, il-piż ekonomiku tat-tibdil fil-klima jkompli jikber. Ix-xjentisti jwissu li dawn id-diżastri se jsiru dejjem aktar għaljin. Skont rapport mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent[1], l-Ewropa bħalissa hija l-kontinent li qed jisħon l-aktar malajr u l-avvenimenti ta’ temp estrem huma mistennija li jiżdiedu hekk kif jogħlew it-temperaturi globali. Din iż-żieda toħloq sfidi sinifikanti għall-infrastruttura u thedded l-istabbiltà tal-provvisti globali tal-ilma u l-ikel, u għaldaqstant tenfasizza l-ħtieġa urġenti għal strateġiji komprensivi għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Malta diġà qiegħda taffaċċja bosta avvenimenti tat-temp sinifikanti, inklużi mewġiet tas-sħana intensivi, nixfiet severi, u livelli tal-baħar dejjem jogħlew.

“L-investiment fl-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jkun l-ogħla prijorità għall-pajjiżi kollha, speċjalment għan-nazzjonijiet gżejjer. Nagħmel kuraġġ meta nara li l-poplu Malti jifhem b’mod ċar l-urġenza tat-tibdil fil-klima. Fi ħdan il-Grupp tal-Bank Ewropew taI-Investiment, aħna ddedikati li nappoġġaw lil Malta billi noffru kemm finanzjament kif ukoll għarfien espert biex ngħinu nadattaw l-infrastruttura u l-ekonomija tagħha. Billi nieħdu azzjoni issa, nistgħu nissalvagwardjaw il-komunitajiet, noħolqu l-impjiegi u niżguraw ġejjieni aktar reżiljenti u prosperu għal kulħadd, qal il-Viċi President tal-BEI Kyriacos Kakouris.

Il-BEI llum ippubblika s-seba’ Stħarriġ dwar il-Klima tiegħu, fejn ġabar il-fehmiet ta’ aktar minn 24,000 rispondent mill-UE kollha u l-Istati Uniti dwar it-tibdil fil-klima. F’Malta, 500 persuna ħadu sehem fl-istħarriġ, li sar f’Awwissu 2024.

Prijorità nazzjonali 

Filwaqt li r-rispondenti Maltin ikklassifikaw it-tibdil fil-klima fit-tieni post fuq il-lista tal-isfidi li pajjiżhom jiffaċċja:

  • 99% minnhom għarfu l-ħtieġa li Malta tadatta għat-tibdil fil-klima (5 punti aktar mill-medja tal-UE). B’mod aktar speċifiku, 77% (27 punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 50%) jikkunsidraw li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa prijorità f’Malta fis-snin li ġejjin.

L-adattament għat-tibdil fil-klima jitqies ukoll bħala opportunità ekonomika u investiment fit-tul għall-pajjiż:

  • 97% jgħidu li l-investiment fl-adattament għat-tibdil fil-klima jista’ jgħin biex jinħolqu l-impjiegi u jagħti spinta lill-ekonomija lokali (meta mqabbla ma’ 86% fl-UE).
  • 97% jemmnu li l-adattament għat-tibdil fil-klima jeħtieġ investiment issa biex jiġu evitati spejjeż aktar għoljin fil-ġejjieni (meta mqabbla ma’ 85% fl-UE).

Impatt tat-tibdil fil-klima u l-bidla fl-istili tal-ħajja

Filwaqt li r-rispondenti Maltin jagħrfu l-opportunitajiet ekonomiċi tal-miżuri ta’ adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima, l-esperjenza personali tagħhom ta’ avvenimenti ta’ temp estrem tinfluwenza s-sens ta’ urġenza għall-azzjoni:

  • 97% (17-il punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 80%) esperjenzaw tal-inqas avveniment ta’ temp estrem wieħed f'dawn l-aħħar ħames snin. B’mod aktar speċifiku, 53% ġarrbu sħana estrema jew mewġiet ta’ sħana, 30% iffaċċjaw għargħar kostali u 28% esperjenzaw maltempata severa jew silġ.

Il-konsegwenzi ta’ avvenimenti ta’ temp estrem huma kemm tanġibbli kif ukoll varjati.

  • 99% tar-rispondenti Maltin semmew li esperjenzaw tal-inqas konsegwenza diretta waħda minħabba avvenimenti ta’ temp estrem (33 punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 68%). 37% iffaċċjaw qtugħ ta’ dawl jew problemi bil-provvista tad-dawl, 29% kellhom problemi tas-saħħa (bħal kolp ta’ sħana jew problemi respiratorji) u 28% iffaċċjaw problemi bil-provvista tal-ikel (bħal inqas disponibbiltà ta’ ċerti prodotti).
  • F’dan il-kuntest, il-Maltin huma aktar prominenti minn ċittadini oħra tal-UE b’mod partikolari minħabba l-livell għoli ta’ għarfien dwar il-ħtieġa li jadattaw għat-tibdil fil-klima: 94% (meta mqabbla ma’ 72% fl-UE) jagħrfu li se jkollhom jadattaw l-istil tal-ħajja tagħhom minħabba t-tibdil fil-klima.
  • 84% (49 punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 35%) jaħsbu li se jkollhom imorru jgħixu f’post li huwa inqas vulnerabbli għall-klima, anke lokalment (biex jevitaw l-għargħar, in-nirien tal-foresti jew avvenimenti oħra ta’ temp estrem).
  • 75% jgħidu li se jkollhom imorru jgħixu f’reġjun jew pajjiż aktar frisk (47 punti aktar mill-medja tal-UE ta’ 28%).

L-adattament individwali għat-tibdil fil-klima jeħtieġ livell tajjeb ta’ informazzjoni. Il-maġġoranza vasta tal-Maltin (91%, 21 punt aktar mill-medja tal-UE) jgħidu li huma infurmati dwar il-miżuri li jistgħu jieħdu biex jadattaw id-djar u l-istili tal-ħajja tagħhom b’mod effettiv. Il-biċċa l-kbira minnhom (82%, 42 punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 40%) huma mgħarrfa wkoll dwar is-sussidji pubbliċi jew l-inċentivi finanzjarji li jappoġġaw tali sforzi.

Prijoritajiet għal miżuri ta’ adattament

Ir-rispondenti Maltin identifikaw dawn il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin għall-adattament lokali għat-tibdil fil-klima:

  • Titjib tal-infrastruttura - pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ drenaġġ aħjar, ostakli kontra l-għargħar, lqugħ mill-maltempati jew grilji tal-elettriku reżiljenti (42%)
  • Titjib tal-iżolazzjoni tad-djar u l-binjiet pubbliċi (41%, 13-il punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 28%)
  • Tkessiħ tal-bliet bil-ħolqien ta’ toroq bis-siġar jew spazji ħodor (39%)

Fuq il-mistoqsija dwar min għandu jħallas għall-adattament għat-tibdil fil-klima:

  • 38% jaħsbu li l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-kumpaniji u l-industriji li jikkontribwixxu l-aktar għat-tibdil fil-klima.
  • 30% jaħsbu li kulħadd għandu jħallas b’mod ugwali.
  • 15% jgħidu li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandhom jikkontribwixxu (7 punti aktar mill-medja tal-UE).

Rigward min għandu jibbenefika l-ewwel mill-infiq għall-adattament:

  • 35% jgħidu li kulħadd għandu jiġi megħjun b’mod ugwali
  • 28% (5 punti aktar mill-medja tal-UE ta’ 23%) jgħidu li n-nies li jgħixu f’żoni ta’ riskju għoli għandhom jingħataw prijorità
  • 26% (9 punti taħt il-medja tal-UE ta’ 17%) jaħsbu li l-persuni b’diżabilitajiet għandhom ikunu l-ewwel li jibbenefikaw

It-tħassib dwar min għandu jibbenefika mill-għajnuna għall-adattament imur lil hinn mill-prijoritajiet nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin (90%, 33 punt aktar mill-medja tal-UE ta’ 57%) jagħrfu l-ħtieġa li jingħata appoġġ għall-isforzi tal-adattament globali u jemmnu li pajjiżhom għandu jagħmel aktar biex jgħin lin-nazzjonijiet l-aktar vulnerabbli li qed jiżviluppaw biex jadattaw għall-impatti li dejjem qegħdin jikbru tat-tibdil fil-klima.

 

Grupp tal-BEI

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jipprovdi finanzjament fuq żmien fit-tul għal investimenti sodi li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politiki tal-UE. Il-Bank jiffinanzja proġetti f'erba’ oqsma prijoritarji: l-infrastruttura, l-innovazzjoni, il-klima u l-ambjent, u l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Il-Grupp tal-BEI f'Malta

Il-Grupp tal-BEI ilu sostenitur sinifikanti tal-ekonomija Maltija sa mill-1979, u pprovda kważi €1 biljun f’finanzjament. L-appoġġ tagħna jestendi għal bosta oqsma, inkluż li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju (SMEs), l-investiment f’infrastruttura tal-mowbajl 5G u l-finanzjament għall-bini ta’ madwar 750 unità tal-akkomodazzjoni soċjali. Barra dan, konna involuti fil-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura ewlenija bħall-bini l-ġdid tal-Parlament, it-teatru miftuħ u r-restawr ta’ Bieb il-Belt Valletta – sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO. Eżempji mill-2023 jinkludu €30 miljun f’finanzjament għall-Bank tal-Iżvilupp ta’ Malta (BIM) biex jagħti spinta għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-SMEs u entitajiet tas-settur pubbliku kif ukoll operazzjoni tal-FEI flimkien mal-Ministeru tal-Fondi Ewropej u l-Artijiet ta’ Malta – appoġġat mill-InvestEU – biex ikun hemm €16.5 miljun disponibbli għall-SMEs, biex irawmu l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiż.

Stħarriġ tal-BEI dwar il-klima

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-bank għall-klima, illum ippubblika s-seba’ edizzjoni tal-Istħarriġ annwali tiegħu dwar il-Klima. Sa mill-2018 u bil-kontribut minn aktar minn 24,000 rispondent, l-istħarriġ jipprovdi dettalji dwar kif iħossuhom in-nies fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti dwar it-tibdil fil-klima. L-istħarriġ ta’ din is-sena twettaq online (bil-kompjuter, tablet jew mowbajl) minn BVA Xsight mis-6 sat-23 ta’ Awwissu 2024 fis-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti. Aktar informazzjoni dwar il-metodoloġija tinsab hawnhekk.


[1] L-Ewropa mhijiex ippreparata għal riskji tal-klima li qed jikbru malajr | paġna ewlenija tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (europa.eu)

Kontakt

Referenz

2024-423-MT