>@Isopix/To be defined
©Isopix/ To be defined

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qiegħed iwettaq ferm qabel iż-żmien ippjanat l-impenji mogħtija lill-Istati Membri tal-UE sabiex jimmobilizza EUR 180 biljun ta' investiment addizzjonali wara żieda fil-kapital fl-2013. "Se nilħqu l-għan tagħna ta' EUR 180 biljun ta' investiment addizzjonali fl-Ewropa kollha matul Marzu 2015, madwar disa' xhur qabel iż-żmien antiċipat", qal Werner Hoyer, il-President tal-BEI, waqt konferenza stampa fi Brussell. Fl-2012 l-Istati Membri tal-UE qablu biex iżidu l-kapital imħallas tal-BEI b'EUR 10 biljun, bil-fehim li dan se jippermetti lill-BEI iżid l-attività tat-tislif tiegħu b'40 fil-mija bejn l-2012 u l-2013 u jżomm dak il-livell sal-2015.

Is-sena l-oħra l-BEI iffirma self li ammonta għal EUR 77 biljun biex jappoġġja investiment fl-Ewropa u madwar id-dinja. Is-self għall-proġetti fl-Istati Membri tal-UE ammonta għal EUR 69 biljun, li jirrappreżenta 90 fil-mija tat-total. Barra dan, EUR 3.3 biljun ta' impenji mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li jagħmel parti mill-Grupp tal-BEI, ingranaw EUR 14-il biljun ta' kapital biex itejbu l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja.

"Il-Grupp tal-BEI qed ikompli jtejjeb ir-rispons tiegħu għall-kriżi. Fl-2014 l-impenn imsaħħaħ tagħna għamel differenza reali f'ħajjet in-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-finanzjament tagħna sostna miljuni ta' impjiegi u għen biex jinbnew konnessjonijiet diġitali u tat-trasport, netwerks tal-ilma u l-elettriku, skejjel, sptarijiet, u akkomodazzjoni soċjali. Dan għen biex tiżdied il-ġenerazzjoni ta' enerġija sostenibbli, u permezz tiegħu kumpaniji ta' daqs żgħir u medju setgħu jinvestu u jibqgħu kompetittivi. L-appoġġ finanzjarju u l-kompetenza esperta pprovduti mill-Bank tal-UE għenu mijiet ta' proġetti inklużi dawk li altrimenti kienu se jiddewmu jew qatt ma tnedew", qal Werner Hoyer, il-President tal-BEI.

Il-Grupp tal-BEI kompla jagħmel enfasi qawwija fuq aċċess imtejjeb għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja. Il-President Hoyer: "Fl-Ewropa, l-akbar kontribuzzjoni ta' politika tagħna, li ammontat għal EUR 25.5 biljun, baqgħet għall-appoġġ tagħna lill-SMEs. Dan huwa l-ogħla ammont li qatt ingħata mill-Bank tal-UE. It-tislif tagħna lill-SMEs għen biex joħloq u jippreżerva 3.9 miljun impjieg globalment billi appoġġja 290,000 negozju." Il-prijoritajiet ewlenin l-oħrajn kienu l-azzjoni għall-klima (EUR 19.1 biljun), l-infrastruttura strateġika (EUR 20.6 biljun), u l-innovazzjoni u l-ħiliet (EUR 14.7 biljun).

Il-Grupp tal-BEI kompla jtejjeb u jadatta l-istrumenti finanzjarji tiegħu bħal ma għamel fil-passat, billi nieda inizjattivi ġodda li huma aktar xierqa biex jindirizzaw id-distakki fis-suq, li jattiraw gruppi ta' klijenti ġodda, u jirriflettu l-prijoritajiet ta' politika li qed jiżviluppaw u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Istati Membri. Dawn il-prodotti jvarjaw minn finanzjament ta' riskju għar-riċerka u l-iżvilupp għal self ta' kapitalizzazzjoni medja, minn fondi innovattivi għall-klima għal finanzjament kummerċjali. Eżempju ta' dan hija InnovFin, skema mfassla biex tipprovdi finanzjament personalizzat għal proġetti innovattivi, inklużi dawk li jinkludu riskju ogħla.

Barra dan, il-programm iddedikat għall-impjieg taż-żgħażagħ "Ħiliet u Impjiegi – Investiment għaż-Żgħażagħ" baqa' fuq nett tal-aġenda tal-BEI. Il-Bank tal-UE pprovda aktar minn EUR 13-il bljun għal proġetti li kapaċi jiġġeneraw impjiegi u jtejbu l-ħiliet għaż-żgħażagħ. Il-President Hoyer: "Ninsab kburi ħafna li erġajna qbiżna l-wegħdiet tagħna. Dan juri l-impenn qawwi tagħna biex nikkumplimentaw il-ġlieda tal-Ewropa kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ." Il-Bank tal-UE kien nieda l-programm tiegħu tal-impjiegi għaż-żgħażagħ f'Lulju 2013 b'impenn ta' tislif inizjali ta' EUR 6 biljun fis-sena.

Fi ħdan l-UE, l-akbar volum ta' tislif tal-BEI għall-investiment fuq żmien fit-tul kien fi Spanja (EUR 11.9 biljun), segwit mill-Italja (EUR 10.9 biljun), Franza (EUR 8.2 biljun), il-Ġermanja (EUR 7.7 biljun), u r-Renju Unit (EUR 7 biljun). Il-BEI baqa' impenjat lejn pajjiżi li kienu l-agħar milquta mill-kriżi, billi pprovda tislif ġdid għal total ta' EUR 1.6 biljun fil-Greċja, EUR 1.3 biljun fil-Portugall, u EUR 932 miljun fl-Irlanda.

Barra mill-UE, il-BEI pprovda self għal total ta': EUR 2.5 biljun fil-pajjiżi kandidati u dawk kandidati potenzjali fl-Ewropa tax-Xlokk[1] u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles; EUR 1.7 biljun fil-pajjiżi Mediterranji[2]; u kważi EUR 1.4 biljun fl-Ażja u l-Amerika Latina. Silef EUR 1.2 biljun f'pajjiżi fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE, inkluż EUR 940 miljun fl-Ukrajna, li juri l-impenn tal-Bank tal-UE għall-ekonomija tal-pajjiż fil-konfront tal-isfidi attwali.

Is-saħħa finanzjarja tal-Bank hija riflessa fl-adegwatezza kapitali tiegħu, li kienet stabbli b'26.0 fil-mija fi tmiem l-2014 meta mqabbla ma' 26.1 fil-mija[3] fis-sena preċedenti. Il-kwalità tal-assi tal-Bank baqgħet b'saħħitha, b'assi indeboliti madwar 0.2 fil-mija biss tal-portafoll, filwaqt li l-likwidità, li tammonta għal EUR 66 biljun, tkompli tinżamm f'livelli prudenti. L-assi totali fi tmiem is-sena 2014 kienu EUR 542 biljun, filwaqt li l-fondi proprji żdiedu għal EUR 60.6 biljun.

Meta jħares 'il quddiem, il-Grupp tal-BEI – bi sħubija mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea – se jappoġġja il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa l-ġdid. Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jinsab fil-qalba ta' din l-inizjattiva u dan se jitwaqqaf fi ħdan il-BEI. Il-missjoni tiegħu hija li jappoġġa u jwettaq proġetti vijabbli li jipprovdu benefiċċji ekonomiċi sostenibbli sinifikanti, li jieħdu riskju ogħla fejn xieraq. Il-President Hoyer: "Bil-fond il-ġdid, il-Bank tal-UE se jkun jista' juża l-għarfien espert u l-esperjenza tiegħu sabiex jistimula investiment addizzjonali, jibgħat sinjal qawwi ta' kunfidenza u jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea."

Il-President żied: "L-inizjattiva timmarka bidla tal-paradigma importanti ħafna fl-użu ta' fondi pubbliċi limitati, lil hinn minn għotjiet u sussidji lejn self u garanziji sabiex jingrana l-kapital privat u jimmultiplika l-effett tal-finanzjament inizjali." L-FEIS inizjalment se jkun mogħni b'garanzija ta' EUR 16-il biljun mill-Kummissjoni u EUR 5 biljun mir-riżorsi proprji tal-BEI. L-FEIS għandu l-għan li jimmobilizza tal-anqas EUR 316 biljun f'investiment privat u pubbliku fit-tliet snin li ġejjin.

Informazzjoni tal-isfond:

Iċ-ċifri finanzjarji mhumiex verifikati u huma proviżorji.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta' self fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri. Huwa jipprovdi finanzjament fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi lejn il-miri tal-politika tal-UE. Il-BEI huwa l-akbar mutwanti u mutwatarju multilaterali fid-dinja.

Il-Grupp tal-BEI jikkonsisti fil-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Il-missjoni ċentrali tal-FEI hija li jappoġġja l-SMEs tal-Ewropa billi jgħinhom jaċċessaw finanzjament bil-provvediment ta' kapital ta' riskju u ta' tkabbir, garanziji u strumenti ta' mikrofinanzjament.

Kuntatt għall-istampa: 

Christof Roche, c.roche@eib.org, Tel.: +32 479 650588

Richard Willis, r.willis@eib.org, Tel.: +352 4379 82155, +352 621 555 758
Websajt: www.eib.org/press – Uffiċċju tal-Istampa tal-BEI: +352 4379 21000 – press@eib.org


  • Presentation slide [EN]
  • Video of the Press Conference [EN]

[1] L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija

[2] L-Alġerija, l-Eġittu, Gaża/Xatt tal-Punent, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, u t-Tuneżija

[3] Proporzjon ta' adegwatezza tal-kapital Basel III; 28.7 fil-mija taħt Basel II