Search En menu en ClientConnect
Search
Results
Top 5 search results See all results Advanced search
Top searches
Most visited pages
EIB
  • Il-Grupp tal-BEI appoġġa somma rekord ta’ aktar minn €100 biljun f’investiment ġdid għas-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa fl-2024.
  • Ammont rekord ta’ madwar 60% tal-finanzjament kollu tal-Grupp tal-BEI appoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, l-azzjoni klimatika, u s-sostenibbiltà ambjentali.
  • Kien hemm żieda qawwija f’attivitajiet ta’ riskju ogħla, b’ammont rekord ta’ €8 biljun impenjat għall-investiment ta’ ekwità u ta’ kważi ekwità.
  • Il-finanzjament għal proġetti ta’ sigurtà u difiża ġie rdoppjat għal €1 biljun fl-2024, u għall-2025 huwa ppjanat li jerġa’ jiġi rdoppjat.

Il-Grupp tal-Bank tal-Investiment Ewropew (BEI) iffirma €89 biljun f’finanzjament ġdid is-sena li għaddiet. Il-Grupp għamel aktar investimenti minn qatt qabel biex isaħħaħ is-sigurta tal-enerġija tal-UE, u mmobilizza ’l fuq minn €100 biljun għal proġetti f’infrastruttura ġdida u mtejba, bħal grilji elettriċi u interkonnetturri, sorsi tal-enerġija rinnovabbli, industriji b’emissjonijiet żero netti, effiċjenza u ħażna. Madwar 60% tal-finanzjament totali appoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, l-azzjoni klimatika, u s-sostenibbiltà ambjentali.

Ir-riżultati preliminari tagħna għal darba oħra juru profitabbiltà b’saħħitha. Fl-istess ħin, kien hemm żieda qawwija fl-operazzjonijiet tal-BEI ta’ riskju ogħla biex jiġu appoġġati l-aktar kumpaniji innovattivi tal-Ewropa. Somma rekord ta’ €8 biljun f’investiment ta’ ekwità u kważi ekwità mill-BEI u l-Fond tal-Investiment Ewropew (FEI) hija mistennija li timmobilizza €110 biljun f’kapital ta’ tkabbir għal negozji ġodda, negozji li qed jespandu u pijunieri Ewropej.

L-investiment eliġibbli fis-sigurtà u d-difiża rdoppja fl-2024, u l-mira hija li din iċ-ċifra terġa’ tirdoppja din is-sena. Barra minn hekk, il-Grupp tal-BEI estenda b’mod sinifikanti l-investimenti eliġibbli tiegħu fi proġetti b’użu doppju, li issa jinkludu l-protezzjoni tal-fruntieri, il-mobbiltà militari, it-tneħħija tal-mini, id-dekontaminazzjoni, l-ispazju, iċ-ċibersigurtà, it-tagħmir għal kontra l-iġġammjar, il-protezzjoni ta’ qiegħ il-baħar u ta’ infrastruttura kritika, ir-riċerka u l-iżvilupp, u d-drones.

B’ħarstu ffukata lejn il-futur, il-Grupp tal-BEI jippjana li jżid l-investimenti globali tiegħu għal €95 biljun fl-2025, b’inizjattivi ewlenin biex jappoġġa lill-esperti ewlenin tat-teknoloġija u programm dedikat ta’ TechEU, materja prima kritika, il-ġestjoni tal-ilma, l-effiċjenza enerġetika ta’ kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju, u pjattaforma ddedikata sabiex tippromwovi l-akkomodazzjoni sostenibbli u affordabbli.

B’mod parallel maż-żieda fil-kapaċità tiegħu tal-investiment u l-impatt tal-investiment, il-Grupp tal-BEI qed jagħmel progress sinifikanti biex inaqqas il-burokrazija żejda għall-klijenti, u qassar iż-żmien meħtieġ mill-konċepiment għas-suq sabiex japprova u jiskjera investimenti ġodda. Matul l-2024, introduċa proċeduri ta’ valutazzjoni simplifikati li jkopru aktar minn 40% tal-operazzjonijiet tiegħu.

“Ksirna r-rekords bil-finanzjament tagħna fl-2024. Aħna konna lesti u ppreparati li nappoġġaw il-prijoritajiet tal-UE f’dan il-mandat politiku ġdid. U se naqdu rwol aktar rilevanti fl-2025 – se nkomplu nibnu fuq il-prestazzjoni eċċellenti tal-Grupp tal-BEI biex inkabbru l-impatt tagħna, u b’hekk insaħħu s-sigurtà u l-kompetittività tal-Ewropea b’investimenti strateġiċi u ambizzjużi,” qalet il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño hekk kif ippreżentat ir-riżultati operazzjonali annwali tal-Grupp tal-BEI fi Brussell.

Niksru r-rekords

Il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI li ġie impenjat fl-2024 huwa mistenni li jforni madwar 15-il miljun unità domestika b’enerġija nadifa, joħloq madwar 1.5 miljun xogħol ġdid fl-Ewropa fis-snin li ġejjin, imexxi ’l quddiem terapiji kontra l-kanċer, u jgħin jassigura akkomodazzjoni affordabbli mill-Kroazja sal-Latvja,

F’aktar dettall, il-punti ewlenin mis-sena l-oħra jinkludu:

·        Kabbarna l-attivitajiet ta’ riskju ogħla, u mistennija li nimmobilizzaw madwar €110 biljun f’investimenti ġodda. Dan jinkludi somma rekord ta’ €7.2 biljun ta’ investimenti mill-FEI fl-ekosistema tal-fondi ta’ ekwità, u €1 biljun f’dejn ta’ riskju mill-BEI.

·        Aktar minn €14-il biljun f’investiment totali skjerat mill-FEI biex jappoġġa n-negozji u l-innovaturi żgħar tal-Ewropa, inkluż f’102 fond ta’ kapital ta’ riskju, bħal fond iddedikat biex jiġu appoġġati negozji ġodda li l-proprjetarji tagħhom huma nisa u fejn jeżisti bilanċ bejn il-ġeneri fl-oqsma tal-ispazju u t-teknoloġija profonda.

·        Somma rekord ta’ €51 biljun – madwar 60% tal-investimenti tas-sena l-oħra – biex jiġu appoġġati t-tranżizzjoni ekoloġika, l-azzjoni klimatika, u s-sostenibbiltà ambjentali, mill-ewwel fabbrika tat-tajers fid-dinja b’emissjonijiet żero fir-Rumanja għall-appoġġ tal-mobbiltà sostenibbli f’Valencia; dan qed jgħin lill-Grupp tal-BEI ikun fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira tiegħu li jappoġġa €1 triljun f’investiment għall-klima u s-sostenibbiltà ambjentali fid-deċennju kritiku sal-2030.

·        Somma rekord ta’ €31 biljun biex tiġi appoġġata s-sigurtà tal-enerġija fl-UE, inklużi għall-effiċjenza, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u l-grilji elettriċi, li hija mistennija li tappoġġa aktar minn €100 biljun f’investiment. Inizjattivi ewlenin jinkludu kontrogaranziji biex jiġu msaħħa l-manifatturi fl-Ewropa ta' teknoloġija ta' enerġija mir-riħ, il-manifattura ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi fi Franza u l-Gżira tal-Prinċipessa Eliżabetta fil-Belġju. Għall-grilji u l-ħażna, il-finanzjament tela’ għal somma rekord ta’ €8.5 biljun, u b’hekk ġie mmobilizzat 40% tal-investiment totali tal-Ewropa f’dak is-settur fl-2024, inkluż it-titjib tan-networks tat-trażmissjoni u l-interkonnetturi fi Spanja, iċ-Ċekja u l-Ġermanja,

·        L-appoġġ għal proġetti tas-sigurtà u d-difiża rdoppja għal €1 biljun, inkluż l-iskjerament ta’ satelliti b’użu doppju fil-Polonja, it-titjib tal-portijiet sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ bastimenti tan-NATO fid-Danimarka u l-investiment mill-FEI f’fondi ta’ investiment privati dedikati. Din is-sena huwa mistenni rdoppjar ieħor tal-investimenti annwali għal €2 biljun.

·        Somma rekord ta’ €38 biljun biex tiġi mħaffa l-koeżjoni soċjali u territorjali, inklużi l-linji ta’ kreditu għall-bdiewa fir-Rumanija,, negozji ġodda innovattivi fil-Greċja u proġetti ta’ tranżizzjoni ġusta fl-Estonja.

·        Il-Grupp tal-BEI pprovda wkoll appoġġ finanzjarju biex isaħħaħ ir-reżiljenza u l-adattazzjoni għall-klima, minn investimenti ta’ rikostruzzjoni wara l-valangi fl-Italja għal investimenti ta’ rkupru fir-reġjuni Ewropej affettwati minn għargħar devastanti.

·        B’ammont żborżat ta’ aktar minn €2.2 biljun mill-2022, l-investimenti tal-Grupp tal-BEI fl-Ukrajna qed jgħinu fit-tiswija tal-iskejjel, tal-kindergartens, u tal-isptarijiet, qed itejbu t-trasport u jipproteġu l-infrastruttura tal-enerġija, kif ukoll jappoġġaw is-settur privat.

Lil hinn mill-Ukrajna, l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI barra mill-Unjoni Ewropea qed jappoġġaw l-istabbiltà fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u pajjiżi msieħba hekk kif qed iħejju ruħhom għas-sħubija fl-UE, inkluż b’titjib fil-linji tal-ferrovija f’pajjiżi bħall-Albanija u l-Montenegro.

B’appoġġ għall-prijoritajiet globali tal-UE u l-għajnuna biex tissaħħaħ il-vuċi tal-Ewropa fid-dinja, il-finanzjament tal-Grupp tal-BEI qed jgħin ukoll pajjiżi milquta min-nixfa, bħall-Ġordan sabiex jimmaniġġjaw il-provvisti tal-ilma. Bis-saħħa tas-sħubiji msaħħa ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea, l-investimenti tal-BEI qed jgħinu biex jiġi eliminat mard bħall-poljo u jappoġġaw infrastruttura sostenibbli madwar id-dinjamill-Vjetnam sal-Indja.

Lesti għall-isfidi li hemm quddiemna

Taħt it-tmexxija tal-President Calviño, li ħadet il-kariga tagħha f’Jannar tal-2024, il-Grupp tal-BEI aġġorna l-politiki interni u l-istrateġija tal-investiment tiegħu biex jimmassimizza l-impatt u jkabbar l-appoġġ għal prijoritajiet Ewropej kondiviżi.

Il-bidliet jinkludu:

·        Pjan Direzzjonali Strateġiku, allinjat mal-politiki tal-UE u li kien hemm qbil fuqu mis-27 Stat Membru tal-UE (l-azzjonisti tal-BEI) sabiex ir-riżorsi jiġu ffukati fuq investiment li jħalli impatt fi tmien prijoritajiet ewlenin.

·        Qafas imġedded mill-ġdid li jespandi l-attività tal-Grupp tal-BEI fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, bi proċeduri interni simplifikati u sħubijiet ġodda ma’ partijiet ikkonċernati esterni, bħall-Fond għall-Innovazzjoni tan-NATO u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża.

·        Il-gvernaturi tal-BEI approvaw iż-żieda tal-proporzjon tal-ingranaġġ, limitu skadut fuq l-investimenti tal-Grupp tal-BEI.[1] Dan se jippermetti lill-Grupp tal-BEI jagħmel l-investimenti strateġiċi neċessarji biex jikseb ir-riżultati mixtieqa fir-rigward tal-miri tal-politika tal-UE, filwaqt li jippreżerva l-proporzjonijiet tal-ingranaġġ u tal-kapital tiegħu.

·        Pjan ta’ azzjoni bl-elementi fundamentali għal unjoni tas-swieq kapitali aktar profonda.

·        Azzjonijiet u proposti biex titnaqqas il-burokrazija, jittejjeb l-użu tar-regoli dwar ir-rapportar tas-sostenibbiltà tal-UE u jiġi ottimizzat l-użu ta’ strumenti tal-baġit tal-UE.

·        Inizjattiva msaħħa dwar iż-żmien milll-konċepiment għas-suq biex jiġu ssimplifikati l-proċessi interni u tiġi msaħħa l-effiċjenza, u b’hekk ikun possibbli li finanzjamenti ġodda jiġu approvati ferm aktar malajr.

·        Pjan ta’ azzjoni biex jiġu mtejba t-trasparenza, l-akkontabilità, u l-benesseri fil-post tax-xogħol, inkluż li jiġi maħtur ombudsperson biex jindirizza malajr kwistjonijiet komuni fuq il-post tax-xogħol u jtejjeb l-ambjent tax-xogħol.

Rilevanti iktar minn qatt qabel fl-2025

B'ħarsa ffukata lejn il-futur, il-Pjan Operazzjonali tal-Grupp tal-BEI jkopri sa €95 biljun f’investiment ġdid fl-2025, appoġġat mill-klassifikazzjoni tal-kreditu eċċellenti u l-pożizzjoni tal-kapital b’saħħitha tal-Grupp.

Inizjattivi ġodda allinjati mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li huma mistennija li se jitniedu fl-2025 jinkludu:

·        Iż-żamma tal-mira finanzjarja ekoloġika ta’ 60%.

·        Żieda fl-appoġġ għal teknoloġiji ewlenin, inklużi t-teknoloġija nadifa, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċipep, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u computing, ix-xjenzi tas-saħħa u mediċi, u l-kapaċità industrijali mill-iktar avvanzata tal-Ewropa.

·        Pjattaforma ta’ ħruġ sabiex jiġi ffaċilitat l-elenkar ta’ negozji Ewropej li qed jespandu fis-swieq tal-UE jew l-akkwist ta’ dawn l-innovaturi promettenti minn kumpaniji Ewropej.

·        Estensjoni tal-Inizjattiva tal-Esperti Ewlenin tat-Teknoloġija Ewropej (ETCI) bħala parti mill-mira aktar wiesgħa li jiġu msaħħa l-investimenti ta’ ekwità u ta’ dejn għal impriża ta’ riskju biex jiġu mkabbra n-negozji ġodda innovattivi tal-Ewropa.

·        Aktar irdoppjar tal-appoġġ għall-industrija ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Ewropa.

·        Pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u żieda fl-iffinanzjar għas-settur tal-akkomodazzjoni.

·        Iż-żieda tal-investiment għal proġetti ta’ materja prima kritika, bħall-faċilità tal-produzzjoni tal-litju ta’ Keliber, fil-Finlandja li ġiet maqbula s-sena li għaddiet.

·        Programm tal-ilma dedikat ta’ madwar €4.5 biljun biex jiffoka l-investiment fuq ir-reżiljenza mill-għarar, u biex jindirizza l-iskarsezza tal-ilma waqt żmien ta’ nixfiet li qegħdin jintensifikaw.

·        Appoġġ ġdid għall-bdiewa Ewropej permezz tal-assigurazzjoni tal-agrikoltura u skemi oħra ta’ tneħħija tar-riskji, li jibni fuq faċilità ta’ €3 biljuni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għal bdiewa żgħażagħ u nisa.

·        Programm ta’ €2.5 biljun biex jespandi investimenti ta’ effiċjenza tal-enerġija minn kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju sabiex ikunu jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontijiet tad-dawl tagħhom.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Grupp tal-BEI huwa l-istituzzjoni ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Huwa jappoġġa l-investiment li jikkontribwixxi għal għanijiet ta’ politika tal-UE, inklużi t-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-innovazzjoni u s-sigurtà. Jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu fis-swieq kapitali globali u l-operazzjonijiet tiegħu għamlu profitti b’mod konsistenti sa mill-bidu tiegħu. Il-Grupp tal-BEI huwa l-pijunier u wieħed mill-akbar emittenti ta’ bonds ekoloġiċi, filwaqt li l-operazzjonijiet kollha tiegħu huma allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.


[1] Soġġett għal approvazzjoni finali mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Contact

Reference

2025-030-MT