Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment (BEI) jamministra l-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet istituzzjonali tiegħu ma' l-Universitajiet permezz ta' Azzjoni għar-Riċerka Universitarja li tikkonsisti fi tliet programmi differenti:

  • EIBURS, il-Programm ta' Għajnuna Finanzjarja tal-BEI għar-Riċerka Universitarja
  • STAREBEI  (STAges de REcherche BEI), programm li jiffinanzja lir-riċerkaturi żgħażagħ li jaħdmu fuq proġetti konġunti tal-BEI u Universitajiet, u
  • Netwerks ta' Universitajiet BEI, li huwa mekkaniżmu ta' kooperazzjoni għal netwerks ta' l-universitajiet li jkollhom karatteristiċi ta' relevanza partikolari li jappoġġaw l-għanijiet tal-Grupp tal-BEI.

EIBURS jipprovdi għotjiet lil Ċentri ta' Riċerka Universitarji li jaħdmu fuq suġġetti u temi ta' riċerka li huma ta' interess kbir għall-Bank. L-iskemi ta' għajnuna finanzjarja tal-BEI, li jammontaw sa EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta' tliet snin, jingħataw permezz ta' proċess kompetittiv lil Dipartimenti Universitarji jew Ċentri ta' Riċerka interessati, li jkunu assoċjati ma' Universitajiet fl-UE, fil-Pajjiżi Aderenti jew Pajjiżi fil-Fażi ta' Adeżjoni, bi speċjalizzazzjoni esperta f'oqsma magħżula mill-BEI, sabiex ikunu jistgħu jespandu l-attivitajiet tagħhom f'dawn l-oqsma. Jeħtieġ li l-proposta magħżula tipproduċi għadd ta' attivitajiet (fosthom riċerka, organizzazzjoni ta' korsijiet u seminars, netwerking, tqassim ta' riżultati, eċċ) li jkunu suġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank.

Għas-sena akkademika 2009/2010, il-programm EIBURS għażel żewġ linji ġodda ta' riċerka:

  • Żvilupp ta' servizzi elettroniċi pubbliċi fl-Ewropa

Kemm l-Istrateġija ta' Liżbona Mġedda kif ukoll il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku jidentifikaw l-installazzjoni universali madwar l-Ewropa kollha ta' infrastruttura ta' aċċess għal broadband ta' veloċità għolja bħala ħtieġa ewlenija sabiex jixterdu b'pass aktar imgħaġġel applikazzjonijiet ta' servizzi elettroniċi li jtejbu l-produttività. Peress li l-inċentivi tas-suq jistgħu ma jkunux biżżejjed inizjalment sabiex jiġu mnedija dawn l-applikazzjonijiet, is-settur pubbliku huwa mistenni li jkollu rwol ewlieni biex jistimola d-domanda għal dawn l-applikazzjonijiet sabiex l-installazzjoni ta' din l-infrastruttura tkun iġġustifikata ekonomikament. Fl-istess ħin, is-settur pubbliku jista' jibbenefika minn żidiet sinifikanti fil-produttività billi jipprovdi servizzi eżistenti b'mod aktar effiċjenti jew billi jiżviluppa servizzi ġodda. Dan b'hekk jista' jinvesti fin-netwerk infrastrutturali meħtieġa (minħabba n-natura tagħha bħala beni pubbliku u l-ħtieġa għal aċċess miftuħ) u jispeċifika t-tip ta' servizzi li dik l-infrastrutturi hija mistennija li tkopri (approċċ ibbażat fuq il-produzzjoni).

Il-programm ta' riċerka għandu jevalwa l-potenzjal li jiġu stabbiliti tipi differenti ta' servizzi elettroniċi (eż. servizzi elettroniċi Governattivi, servizzi elettroniċi tas-Saħħa, servizzi elettroniċi ta' Tagħlim), waqt li jidentifika l-irwoli rispettivi tas-settur privat u dak pubbliku u l-aktar metodi effiċjenti ta' kunsinna (b'mod speċjali fil-kuntest ta' arranġament ta' sħubija pubblika-privata). Għandu jikkunsidra azzjonijiet ġodda tal-UE bħall-inizjattiva tas-suq ewlieni u akkwisti prekummerċjali, li huma intiżi biex jippermettu lis-settur pubbliku li jieħu rwol ewlieni biex iħeġġeġ il-ħolqien ta' swieq ġodda. Il-programm ta' riċerka għandu jirrifletti wkoll l-interess pubbliku fl-iżvilupp ta' inizjattivi min-naħa tad-domanda bbażati fuq applikazzjonijiet tal-ICT f'setturi oħrajn bħat-trasport u b'mod partikolari l-enerġija, fejn l-ICT jista' jkollha rwol importanti biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija.

Il-proġett jista' jinvolvi kwalunkwe attività addizzjonali ta' riċerka li ċ-Ċentru Universitarju jixtieq iwettaq bi sponsorship, bħall-organizzazzjoni ta' korsijiet u seminars, il-ħolqien ta' databases u servejs u studji dettaljati ta' każijiet.

  • Evalwazzjoni Finanzjarja u Ekonomika ta' Impatti Ambjentali

L-evalwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-ambjent u tal-implikazzjonijiet tiegħu għall-benesseri tal-bniedem hija partikolarment pertinenti għas-suġġetti interrelatati tal-bidla fil-klima u l-bijodiversità, li huma mistennija li jkunu kwistjonijiet globali fis-seklu 21.

Il-bidla fil-klima diġà qed isseħħ: id-dinja qed tisħon bil-bidliet kollha assoċjati, u dan qed jaggrava t-theddidiet eżistenti għall-ekosistemi u l-bijodiversità.

B'mod partikolari, ekosistemi bħal foresti, artijiet mistgħadra u żoni ta' mal-kosta jinsabu mhedda mill-qirda u t-tfarrik tal-ambjenti li jinsab għaddej. Għaldaqstant, diversi servizzi tal-ekosistemi - bħall-kontroll tal-għargħar, il-fertilizzazzjoni bil-polline, il-preżervazzjoni ta' ħamrija b'saħħitha u s-sekwestrar tal-karbonju - ukoll jinsabu mhedda. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-funzjonalità fit-tul ta' dawn l-ekosistemi sabiex jinżammu s-servizzi li huma jipprovdu. Ekosistemi b'saħħithom jifilħu aktar għall-impatti tal-bidla fil-klima u l-varjabbiltà fit-temp assoċjata.

F'dan l-isfond, u waqt li jibni fuq sejbiet mir-riċerka eżistenti u evidenza empirika, il-BEI qed jistieden proposti ta' riċerka f'wieħed minn dawn l-oqsma relatati jew fit-tnejn li huma:

  • L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-protezzjoni tal-ekosistema fil-kuntest tal-bidla fil-klima, waqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li jiġu indirizzati theddidiet eżistenti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza għall-impatti tal-bidla fil-klima, u l-irwol li għandhom (u l-valur ta') ekosistemi b'saħħithom kemm fir-rigward tat-taffija tal-bidla fil-klima kif ukoll l-adattament għaliha;
  • L-użu ta' approċċi bbażati fuq is-suq għall-protezzjoni u t-titjib ta' servizzi tal-ekosistema, fuq il-bażi tal-esperjenza fis-suq tal-karbonju.

Id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' proposti hija l-30 ta' Settembru 2009. Il-proposti sottomessi wara din id-data ta' l-għeluq ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu lil:

EIB-Universities Research Action
100, boulevard Konrad Adenauer
L 2950 Luxembourg
To the attention of  Ms. Luisa Ferreira, Co-ordinator.

Għal informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċess ta' l-għażla ta' l-EIBURS u dwar il-programmi u l-mekkaniżmi l-oħrajn, jekk jogħġbok żur institute.eib.org/programmes/knowledge.