Il-Bank of Valletta jgħin lill-SMEs f’Malta biex ikunu innovattivi u joħolqu impjiegi ġodda bis-saħħa ta’ programm tal-UE
Keith Abela Fitzpatrick irid ibiddel il-mod kif il-persuni jagħmlu negozju f’Malta. Il-kumpanija tiegħu, Corporate Business Solutions, toħloq software personalizzat biex jgħin lill-kumpaniji jimmaniġġjaw aħjar il-finanzi, l-operazzjonijiet, il-kummerċ, u l-attivitajiet tar-riżorsi umani tagħhom.
“Normalment, in-negozjanti jmorru jiġbru ordni, jagħmlu nota tagħha fuq biċċa karta, u mbagħad jirrepetu din is-sistema tedjanti,” jgħid Fitzpatrick. “Minflok aħna noffru operazzjoni awtomatizzata, li b’mod sinifikanti tħaffef il-proċess kollu u tiffranka eluf ta’ euro.”
Corporate Business Solutions hija waħda minn 740 kumpanija f’Malta li jibbenefikaw mill-Inizjattiva għall-SMEs tal-fergħa ta’ finanzjament tal-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment. Imwaqqfa fl-2015, din l-inizjattiva għandha l-mira li tistimula l-investimenti privati u ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju madwar l-Ewropa kollha.
Fl-2022, kien hemm 33 442 SME joperaw f’Malta. Huma mutur importanti tat-tkabbir u l-innovazzjoni, fejn joħolqu teknoloġiji diġitali u prodotti ġodda li jibdlu l-ħajjiet kuljum. Corporate Business Solutions, pereżempju, użat is-software innovattiv tagħha biex ittejjeb id-distribuzzjoni tal-ikel, tal-mediċini, u tas-servizzi pubbliċi f’Malta.
“Il-finanzjament kien katalista għall-progress tal-kumpanija tagħna,” jgħid Fitzpatrick. “Aktar kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn inizjattivi bħal dawn.”
Il-Bank Ewropew taI-Investiment, li huwa l-proprjetà tas-27 Stat Membru tal-UE, iffirma ftehim biex jipprovdi €28 miljun lill-Bank of Valletta fl-2022, biex żied il-finanzjament eżistenti ta’ aktar minn €70 miljun fl-2015. Min-naħa tiegħu, il-Bank of Valletta uża dawk il-flejjes biex jiffinanzja lil Corporate Business Solutions. Huwa biss wieħed mill-bosta investiment f’Malta mill-fergħa ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea. Is-sena li għaddiet, investejna €20 miljun oħra f’Malta.
L-Unjoni Ewropea twettaq. Huwa għalhekk li għandek tivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju. Żur together.eu biex iżżomm ruħek infurmat.