Minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, id-dekarbonizzazzjoni saret ħtieġa essenzjali strateġika għall-Unjoni Ewropea, jgħid ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Josep Borrell u Werner Hoyer, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment
Ta’ Josep Borrell u Werner Hoyer
BRUSSELL – L-invażjoni brutali Russa tal-Ukrajna ġiegħlet lill-Unjoni Ewropea tgħaġġel il-pass tal-politika tagħna dwar l-enerġija u l-klima. Ladarba l-Kremlin qed juża dejjem aktar l-enerġija bħala għodda għall-influwenza politika, irridu nilqgħu għal dan billi nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet ta’ fjuwil fossili mir-Russja.
Ir-raġuni ġeopolitika għal dan tikkoinċidi mal-prijorità li nindirizzaw it-tibdil fil-klima. L-aħħar rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar il-mitigazzjoni jenfasizza l-urġenza ta’ dak il-kompitu. Jekk irridu nevitaw żieda katastrofika fit-temperaturi globali, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra ma jistgħux jibqgħu jiżdiedu wara l-2025. Barra minn hekk, il-qalba madwar l-ekonomija lejn enerġija nadifa għandha ssir bir-reqqa biex jitqiesu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi inevitabbli; trid tkun “tranżizzjoni ġusta”.
L-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’din it-tranżizzjoni. L-investimenti fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika, u fit-teknoloġiji innovattivi bħall-idroġenu ekoloġiku huma għodod importanti biex nindirizzaw l-aggressjoni tar-Russja u ngħinu lill-pjaneta tinfatam mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Kull euro li nonfqu fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija f’pajjiżna huwa euro li ma ntuhx lil potenza awtoritarja li tibda gwerer aggressivi. Kull euro li nonfqu fuq l-enerġija nadifa jsaħħaħ il-libertà tagħna li jkollna rajhna f’idejna. Kull euro li nonfqu biex ngħinu lis-sħab internazzjonali tagħna jaċċelleraw l-istrateġiji ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom huwa investiment fir-reżiljenza u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Minn mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-24 ta’ Frar, l-UE bdiet taċċellera l-pjanijiet ta’ tranżizzjoni tal-enerġija tagħha biex tgħin biex intemmu id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet Russi tal-fjuwils fossili malajr kemm jista’ jkun. Għalkemm dan mhux se jseħħ mil-lum għal għada, l-inċentivi biex dan isir qatt ma kienu akbar. Nistgħu niksbu l-indipendenza enerġetika billi ntejbu l-effiċjenza, niddiversifikaw il-provvisti, u nżidu l-enerġija rinnovabbli. Dan il-proċess jeħtieġ mobilizzazzjoni fil-livelli kollha — minn korpi supranazzjonali sal-unitajiet domestiċi u l-individwi.
Irridu niftħu widnejna għal żewġ twissijiet importanti. L-ewwel nett, it-tfittxija għal fornituri tal-gass alternattivi, għalkemm hija kritika fuq żmien qasir, ma tistax torbotna b’dipendenza fit-tul oħra fuq investimenti qawwija f’infrastruttura tal-fjuwils fossili. Dan iħalli konsegwenzi għoljin u katastrofiċi għall-pjaneta tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex meħtieġ ladarba għandna d-disponibbiltà ta’ alternattivi li huma aktar konxji mill-klima.
It-tieni, jeħtieġ li noqogħdu attenti li ma nibdlux saram ma’ ieħor, u nibdlu dipendenza żejda fuq il-fjuwils fossili ma’ dipendenzi żejda fuq materja prima li hija meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dawn ir-riżorsi huma kkonċentrati ferm f’għadd żgħir ta’ pajjiżi, u mhux kollha kemm huma jikkondividu l-istess valuri u interessi tal-UE L-objettiv ewlieni tat-tranżizzjoni jrid jibqa’ t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u tar-reżiljenza tal-UE.
L-Ewropa ma tistax tagħmel dan għal rasha. Ir-rebħa tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-pożizzjoni kontra l-aggressjoni tar-Russja huma sfidi globali li jeħtieġu rispons globali. Il-gwerra tal-President Vladimir Putin saħħet il-motivazzjoni strateġika tal-pajjiżi kollha biex inaqqsu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili tagħhom u jinvestu aktar f’soluzzjonijiet tal-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-klima.
Huwa għalhekk li l-UE hija impenjata b’mod attiv fid-diplomazija dwar il-klima. Irridu nħeġġu lill-oħrajn iżidu l-ambizzjonijiet klimatiċi tagħhom, u impenjajna riżorsi konsiderevoli biex naħdmu ma’ pajjiżi sħab biex dawn ukoll ikunu jistgħu jimxu lejn ekonomija reżiljenti li tilħaq in-newtralità klimatika. Permezz tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-inizjattiva l-ġdida tal-Portal Globali tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri qegħdin jimmobilizzaw sa EUR 300 biljun ($325 biljun) f’investiment fl-infrastruttura ekoloġika u diġitali biex jindirizzaw il-kriżijiet klimatiċi, ambjentali u tal-enerġija.
Barra minn hekk, il-BEI wiegħed li sal-2030 jappoġġa EUR 1 triljun ta’ investiment fl-azzjoni klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali. Permezz tal-fergħa l-ġdida tiegħu li tindirizza l-iżvilupp, il-BEI Globali, il-bank se jaħdem ma’ sħab madwar id-dinja biex jimmobilizza l-finanzjament għall-effiċjenza enerġetika, għall-enerġija rinnovabbli u għall-proġetti tal-grilja elettrika.
Filwaqt li jaħdem bħala parti mill-isforz konġunt tal-UE “Tim Ewropa”, l-appoġġ tal-BEI għal futur ta’ enerġija nadifa jvarja minn investiment fl-enerġija solari fis-Senegal għall-finanzjament ta’ kindergartens fl-Armenja li jużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti. Il-Bank għen ukoll biex tinħoloq “sħubija għal tranżizzjoni enerġetika ġusta” mal-Afrika t’Isfel; ta appoġġ favur l-Alleanza Solari Internazzjonali bbażata fl-Indja, li tappoġġja l-iżvilupp tal-enerġija solari f’105 pajjiż tropikali; u se jgħin skema għall-ġestjoni integrata tal-ilma u l-prevenzjoni tal-għargħar fl-Arġentina.
L-UE tinsab lesta li tappoġġa lill-komunità globali biex ittemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. L-invażjoni Russa tal-Ukrajna mhijiex raġuni biex indewmu l-investimenti fl-azzjoni klimatika. Bil-kontra, aktar investiment ekoloġiku se jagħtina aktar awtonomija strateġika. Id-dekarbonizzazzjoni saret prijorità ġeopolitika. Nappellaw lis-sħab globali tagħna fil-gvern u fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jingħaqdu magħna fl-aċċellerazzjoni tal-finanzjament għall-enerġija nadifa. Jekk naħdmu għan-newtralità klimatika nistgħu niksbu wkoll is-sigurtà enerġetika.