Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) immobilizza EUR 335 biljun f'investiment addizzjonali madwar l-UE minn Lulju 2015 ‘l hawn. Il-Pjan Juncker għamel impatt ċar fuq l-ekonomija tal-UE u rrivoluzzjona l-mod kif l-innovazzjoni hija ffinanzjata fl-Ewropa.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) wettqu l-impenn tagħhom li jimmobilizzaw EUR 315-il biljun f'investiment addizzjonali taħt il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, il-Pjan Juncker. Appoġġat minn garanzija baġitarja tal-Unjoni Ewropea u r-riżorsi proprji mill-Grupp tal-BEI, ġew approvati 898 operazzjoni, li huma mistennija li jattivaw EUR 335 biljun f'investiment madwar it-28 Stat Membru tal-UE. Dan huwa aktar mill-mira oriġinali ta' EUR 315-il biljun stabbiliti fl-2015 meta ġie varat il-FEIS, u b'hekk qed jgħin biex jingħalaq id-distakk fl-investiment li huwa r-riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Hu mistenni li 700,000 impriża żgħira u ta' daqs medju se jibbenefikaw minn titjib fl-aċċess għall-finanzjament. Fil-konfront tas-suċċess tal-FEIS, il-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew qablu s-sena l-oħra biex jiġi estiż it-terminu tiegħu kif ukoll il-kapaċità tiegħu għal EUR 500 biljun sa tmiem l-2020.
Il-President Jean-Claude Juncker qal: “Il-Pjan Juncker irnexxa. Morna lil hinn mill-mira oriġinali ta' investiment ta' EUR 315 biljun u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi huwa ppjanat li sal-2020 joħloq 1.4 miljun impjieg u jkabbar il-PDG tal-UE b'1.3%. Iffinanzjajna proġetti li kieku ma kienx għall-FEIS ma kinux ikunu possibbli, u kollha mingħajr ma ħloqna dejn ġdid: żewġ terzi tal-investiment huma mis-settur privat. Mill-finanzjament tat-taħriġ għall-impjiegi għar-refuġjati fil-Finlandja sal-enerġija rinnovabbli fil-Greċja sal-biedja fil-Bulgarija - se nkomplu nużaw il-baġit tal-UE għal dak li jwettaq l-aħjar: biex ikun katalizzatur tat-tkabbir.”
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen, responsabbli mill-Impjiegi, it-Tkabbir, l-Investiment u l-Kompetittività, qal: “L-istadju importanti tal-lum huwa xhieda li l-UE hija minn ta' quddiem fl-użu tal-flus privati għall-ġid komuni. Billi adottajna approċċ misjuq mis-suq u għamilna użu strateġiku mill-baġit tal-UE, appoġġajna mijiet ta' proġetti ta' investiment innovattivi u assistejna lil eluf ta' impriżi żgħar biex jespandu. B'riżultat ta' dan, tejjibna l-kompetittività tal-Ewropa u diġà appoġġajna mill-inqas 750,000 impjieg madwar l-UE. Bis-saħħa tal-Pjan ta' Investiment u tal-isforzi li implimentaw l-Istati Membri fir-riformi strutturali nazzjonali, il-prospettiva tal-investiment fl-Ewropa hija pożittiva.”
Il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Werner Hoyer qal: “Nieħu gost nirreferi għall-BEI bħala l-istituzzjoni tal-aħbar it-tajba, iżda anki bl-istandards tagħna dak li ksibna llum jagħmilni partikolarment kburi. Wettaqna dak li tliet snin ilu ħafna qalu li kien impossibbli. Li nattivaw EUR 315-il biljun fl-investiment addizzjonali ġdid - ħafna minnu mis-settur privat - qatt ma kien se jkun faċli. Urejna li dan jista' jsir bis-saħħa tal-kooperazzjoni eċċellenti li hemm bejn il-BEI u l-Kummissjoni; bl-għajnuna u l-appoġġ tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew; kif ukoll bl-esperjenza, il-versatilità u d-dedikazzjoni tal-Bank tal-UE. Dawn l-aħħar tliet snin ittrasformaw il-mod li bih l-Ewropa tiffinanzja l-prijoritajiet tagħha. Issa għandna s-soluzzjoni biex ir-riżorsi pubbliċi skarsi nwassluhom biex jiksbu aktar għall-ekonomija tal-Ewropa u għaċ-ċittadini tagħha bl-attrazzjoni tal-investiment privat. Ħafna nies issa jikkunsidraw il-mudell tal-Pjan Juncker bħala formula ta' suċċess u ma nistgħux immorru lura minnu.”
L-impjiegi u t-tkabbir
Id-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI u l-Kunsill Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (Joint Research Council - JRC) jistmaw li l-operazzjonijiet tal-FEIS diġà appoġġaw aktar minn 750,000 impjieg u din iċ-ċifra mistennija tiżdied għal 1.2 miljun impjieg sal-2020 meta mqabbla max-xenarju bażi. Barra minn hekk, il-kalkoli juru li l-Pjan Juncker diġà żied il-PDG tal-UE b' 0.6 % u huwa mistenni li jżid il-PDG tal-UE b'1.3 % sal-2020. Żewġ terzi tat-EUR 335 biljun miġbura ġew minn riżorsi privati, li jfisser li l-FEIS laħaq ukoll l-objettiv tiegħu li jimmobilizza l-investiment privat.
Meta mkejjel mad-daqs tal-ekonomija l-akbar impatt huwa fil-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi, jiġifieri Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, u Spanja. Filwaqt li l-impatt tal-investiment dirett huwa partikolarment għoli f'dawn il-pajjiżi, il-kalkoli juru li r-reġjuni ta' koeżjoni (li huma l-aktar pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant) x'aktarx li jibbenefikaw aktar minn impatt fit-tul.
X'iffinanzja l-Pjan Juncker?
Il-Pjan Juncker jippermetti li l-Grupp BEI jiffinanzja operazzjonijiet li huma aktar riskjużi mill-investimenti medji tiegħu. Ħafna drabi, il-proġetti appoġġati mill-FEIS huma innovattivi ħafna, imwettqa minn kumpaniji żgħar mingħajr storja ta' kreditu, jew ilaqqgħu flimkien il-ħtiġijiet infrastrutturali iżgħar skont is-settur u l-ġeografija. L-appoġġ għal tali proġetti kien jirrikjedi li l-Grupp BEI jiżviluppa prodotti ġodda ta' finanzjament, pereżempju self lill-impriżi b'karatteristiċi ta' ekwità jew pjattaformi ta' investiment. B'mod importanti, il-Pjan Juncker jippermetti wkoll li l-BEI japprova għadd akbar ta' proġetti li kienu jkunu impossibbli mingħajr l-appoġġ tal-garanzija baġitarja tal-UE, kif ukoll biex jilħqu klijenti ġodda: tlieta minn kull erbgħa li jirċievu l-appoġġ tal-FEIS huma ġodda għall-bank. Dan juri li l-Pjan Juncker wassal għal addizzjonalità reali.
Bis-saħħa tal-appoġġ tal-FEIS, il-BEI u s-sussidjarja tiegħu għall-finanzjament ta' impriżi żgħar, il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), investew f'898 operazzjoni u pprovdew finanzjament għal riskju lil 700,000 SME f'firxa wiesgħa ta' setturi u fit-28 pajjiż tal-UE. Il-pajjiżi l-ogħla kklassifikati skont l-investiment attivat relattiv attivat mill-FEIS huma l-Greċja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Bulgarija u l-Finlandja. L-eżempji jvarjaw minn soluzzjonijiet innovattivi tal-kura tas-saħħa fi Spanja, sal-ekonomija ċirkolari fir-Repubblika Ċeka, għall-produzzjoni tal-ikel fil-Greċja. Skedi informattivi skont il-pajjiż u skont is-settur jipprovdu ħarsa aktar dettaljata u aktar eżempji ta' proġetti.
Il-Pjan Juncker kif kien ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-impriżi?
Barra milli ffinanzja proġetti innovattivi u teknoloġiji ġodda, il-Pjan Juncker appoġġa objettivi oħra tal-UE, bħal pereżempju l-politika diġitali, soċjali u tat-trasport. Bis-saħħa tal-FEIS:
- 15-il miljun familja addizzjonali għandhom aċċess għal broadband b'veloċità għolja
- Inbnew jew ġew rinnovati aktar minn 500,000 unità ta' abitazzjoni soċjali u affordabbli.
- 30 miljun Ewropew jibbenefikaw minn titjib fis-servizzi tas-saħħa
- 95 miljun passiġġier fis-sena qed igawdu minn infrastruttura ferrovjarja u urbana aħjar
- 7.4 miljun familja ġew forniti bl-enerġija rinnovabbli
Għal ħarsa ġenerali kompleta tal-benefiċċji, il-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rapport annwali tiegħu tal-2017 dwar l-operazzjonijiet tiegħu fl-UE jipprovdi aktar.
Servizzi ta' konsulenza u l-post tal-laqgħa online
Għan importanti ieħor tal-Pjan Juncker huwa li jgħin biex il-proġetti jkunu jistgħu jsiru realtà. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti jipprovdi assistenza teknika u konsulenza għal proġetti li għadhom qed jibdew. Sa mit-tnedija tiegħu fl-2015, iċ-Ċentru ta' Konsulenza ġġestixxa aktar minn 770 talba minn promoturi ta' proġetti fil-pajjiżi kollha tal-UE. Aktar minn 50 proġett li rċevew assistenza daħlu fir-riżerva ta' proġetti tal-FEIS. Wieħed minn dawn kien l-iżvilupp ta' proġett ta' akkomodazzjoni soċjali fil-belt Pollakka ta' Poznań. Il-proġett, li rċieva wkoll self ta' EUR 42 miljun appoġġat mill-FEIS, ser jippermetti l-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta' appartamenti għal madwar 3,000 persuna.
Barra minn hekk, sa Lulju 2018 aktar minn 700 proġett kienu ġew ippreżentati lill-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment – post onlajn fejn jiltaqgħu il-promoturi u l-investituri tal-proġetti. Kważi 400 minn dawn il-proġetti ġew ippubblikati s'issa, mifruxin fuq 25 settur ta' potenzjal ekonomiku għoli. Skont stħarriġ li sar fl-2017 fost il-promoturi tal-Proġetti li jinsabu fuq il-Portal, 80 % tal-proġetti ġew ikkuntattjati minn investituri, inkluż Ecoduna fl-Awstrija, PLD Space fi Spanja u Acellere fil-Ġermanja.
Il-kuntest
Il-Pjan Juncker, Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, tnieda f'Novembru 2014 biex ireġġa' lura x-xejra negattiva ta' livelli baxxi ta' investiment u biex l-Ewropa terġa' titqiegħed fit-triq għall-irkupru ekonomiku. Operazzjonijiet approvati skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tal-Pjan Juncker huma mistennija li jkunu attivaw EUR 335 biljun f'investimenti sa Lulju 2018. Hu mistenni li 700,000 impriża żgħira u ta' daqs medju se jibbenefikaw minn titjib fl-aċċess għall-finanzjament. Fit-12 ta' Diċembru 2017, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qablu dwar ir-Regolament li jsaħħaħ il-FEIS u jestendi l-mira tal-investiment għal EUR 500 biljun sa tmiem l-2020. Ir-Regolament FEIS 2.0 daħal fis-seħħ fit-30 ta' Diċembru 2017.
Il-BEI, il-Kummissjoni u ċ-Ċentru ta' Konsulenza qed ikomplu jippromwovu l-użu ta' Pjattaformi ta' Investiment; faċilitajiet ta' investiment li jiġbru flimkien proġetti iżgħar u/jew ta' riskju skont il-lokalità ġeografika jew settur. Dan jgħin biex ir-riskju jinqasam aħjar, jagħmilha aktar faċli li jiġu attirati investituri privati u eventwalment jinfetaħ il-finanzjament għal projetti individwali. Sa Ġunju 2018 kienu ġew approvati 41 pjattaforma ta' investiment, li huma mistennija jimmobilizzaw EUR 34,8 biljun f'investimenti.
L-evalwazzjoni indipendenti tal-FEIS ippubblikata f'Ġunju 2018 tikkonkludi li l-garanzija tal-UE hija mezz effiċjenti biex jiżdied il-volum ta' operazzjonijiet aktar riskjużi mill-BEI u tuża inqas riżorsi baġitarji meta mqabbla ma' programmi ta' għotjiet Ewropej. Hija tenfasizza li l-appoġġ tal-BEI huwa kruċjali għall-promoturi peress li jipprovdi “timbru ta' approvazzjoni” fis-suq, u b'hekk jgħin biex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta' fondi fil-futur. Hija tenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkompli jittejjeb l-aċċess għal finanzjament għall-innovazzjoni, kif ukoll biex jissaħħu s-sinerġiji ma' programmi oħra ta' finanzjament tal-UE.
Fit-6 ta' Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal suċċessur tal-Pjan Juncker għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss: il-Programm InvestEU.
Għal aktar informazzjoni
Skedi informattivi skont il-pajjiż u s-settur
Il-lista sħiħa tal-proġett FEIS tal-BEI
Segwi InvestEU fuq Twitter: #InvestEU