- Il-Kummissarju għall-Enerġija u l-Akkomodazzjoni Dan Jørgensen jingħaqad mal-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño biex jibdew jistabbilixxu s-sisien għal pjattaforma ġdida ta’ investiment pan-Ewropea għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli. Din l-inizjattiva tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata akkomodazzjoni aktar affordabbli u sostenibbli f’ekonomija produttiva.
- Fil-Forum tal-BEI, il-Grupp tal-BEI ħabbar it-tnedija li ġejja tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEI biex jappoġġa l-akkomodazzjoni, li jinkludi portal ġdid ta’ punt uniku ta’ servizz għall-akkomodazzjoni biex jingħataw pariri u finanzjament bħala appoġġ għall-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni, jinbnew djar affordabbli u jsir investiment fl-effiċjenza enerġetika u fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-akkomodazzjoni madwar l-Ewropa. Il-BEI jippjana investimenti ta’ madwar €10 biljun matul is-sentejn li ġejjin.
- Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEI u l-portal ta’ punt uniku ta’ servizz huma komponenti importanti tal-pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea li l-Kummissjoni Ewropea u l-BEI qegħdin jaħdmu fuqha u li hija miftuħa għal atturi oħrajn bħall-banek promozzjonali nazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qegħdin jissieħbu mal-banek promozzjonali nazzjonali (BPN) tal-Ewropa u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (IFI) sabiex jiżviluppaw opportunitajiet ta’ finanzjament ġodda għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli madwar l-Ewropa. Fil-Forum tal-Grupp tal-BEI fil-Lussemburgu llum, il-President tal-Grupp tal-BEI Nadia Calviño u l-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u l-Akkomodazzjoni Dan Jørgensen saħqu dwar l-importanza li jiġi indirizzat wieħed mit-tħassib l-aktar urġenti għaċ-ċittadini u l-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea. Huma argumentaw favur spinta pan-Ewropea li tlaqqa’ flimkien atturi lokali u nazzjonali, pubbliċi u privati biex jikkatalizzaw il-finanzjament u azzjoni urġenti skont il-Pjan Ewropew futur tal-Kummissjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli.
Is-sejħa tagħhom tiġi hekk kif il-Grupp tal-BEI ilesti l-ħidma fuq Pjan ta’ Azzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli u Sostenibbli b’investimenti ppjanati ta’ madwar €10 biljun matul is-sentejn li ġejjin. Il-Pjan tal-BEI se jappoġġa l-isforzi lokali u nazzjonali biex jinbnew djar aktar affordabbli, jiġi rinnovat l-istokk tal-akkomodazzjoni eżistenti biex ikun aktar effiċjenti fl-enerġija u jiġu mħeġġa materjali u tagħmir tal-bini aktar sostenibbli u innovattivi. Il-BEI nieda wkoll portal tal-akkomodazzjoni, li huwa punt uniku ta’ servizz biex jappoġġa lill-benefiċjarji finali biex jaċċessaw il-pariri u l-finanzi. L-investiment tal-Grupp tal-BEI għandu l-għan li jwassal 1.5 miljun unità ta’ abitazzjoni ġdida jew rinnovata madwar l-Ewropa. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-BEI u l-portal huma elementi kostitwenti ewlenin għall-pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea, li se jkunu miftuħa għal atturi oħra bħall-BPN u l-IFI. Il-Kunsill tal-Bank Ewropew tal-Iżvilupp indika wkoll l-interess tiegħu li jipparteċipa.
Meta kienet qed titkellem f’avveniment speċjali dwar l-akkomodazzjoni fil-Forum annwali tal-Grupp tal-BEI bit-titolu “Ninvestu f’Ewropa aktar Sostenibbli u Sigura”, il-President Nadia Calviño qalet: “Li wieħed ikun jista’ jaffordja dar komda u sħuna hija xewqa li tgħaqqad lil kull familja u lil kull komunità fl-Ewropa. Hija responsabbiltà speċjali u sfida fiskali li ngħinu sabiex dan ikun possibbli għaċ-ċittadini tagħna. Hija wkoll il-pedament ta’ kwalunkwe ekonomija produttiva. Huwa għalhekk li aħna fil-Grupp tal-BEI u l-Kummissjoni Ewropea qed naħdmu bis-sħiħ fuq inizjattiva pan-Ewropea li se tkun miftuħa għal kull min irid jingħaqad magħna.”
Fir-rimarki tal-ftuħ tiegħu fil-Forum tal-Grupp tal-BEI, il-Kummissarju għall-Enerġija u l-akkomodazzjoni Dan Jørgensen qal: “Li niżguraw akkomodazzjoni aktar affordabbli u sostenibbli hija kwistjoni urġenti. Il-Kummissjoni se tippermetti lill-Istati Membri jżidu l-fondi ta’ koeżjoni għal akkomodazzjoni affordabbli u jiżguraw li r-regoli tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat jappoġġaw aħjar l-għan tagħna li niksbu akkomodazzjoni aktar affordabbli. L-UE diġà qed timmobilizza finanzjament sostanzjali, pereżempju permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza iżda mhux se nieqfu hemm. Illum qegħdin nagħtu bidu għall-ħidma mal-BEI, mal-banek promozzjonali nazzjonali u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali lejn pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea biex tattira aktar finanzjament pubbliku u privat għall-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, flimkien mal-Parlament Ewropew, aħna se nikkonsultaw b’mod intensiv mal-Istati Membri, mal-bliet, mar-reġjuni u mal-partijiet ikkonċernati kollha biex inwettqu l-Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli.”
In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli fl-Ewropa, b’mod partikolari fi bliet akbar, huwa enfasizzat bħala tħassib dejjem akbar fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-produttività tal-Ewropa fl-istħarriġ ta’ investiment tal-Grupp tal-BEI ibbażat fuq ir-rispons minn madwar 13,000 intrapriża Ewropea żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Ir-rapport, li ġie ppreżentat din il-ġimgħa fil-Forum, jinnota wkoll produttività baxxa u innovazzjoni insuffiċjenti fis-settur Ewropew tal-kostruzzjoni, li jżidu mal-kost u l-ħin tat-twettiq ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni. Fl-istess ħin, l-ispiża tal-enerġija u l-impatt tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju huma wkoll ta’ tħassib. Żewġ terzi tal-konsum tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi jintużaw għat-tisħin tad-djar u, b’46 miljun ċittadin Ewropew li jgħixu fil-faqar enerġetiku, l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-akkomodazzjoni tal-Ewropa hija fokus ewlieni.
B’ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni u mat-Task Force il-ġdida tagħha għall-akkomodazzjoni fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-akkomodazzjoni affordabbli, kif ukoll mal-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet u l-BPN u l-IFI, il-Grupp tal-BEI għandu l-għan li jżid il-provvista ta’ akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli fl-UE. L-approċċ jibbaża fuq erba’ pilastri, li jipprovdu l-qafas ġenerali għall-miżuri deskritti aktar ’il quddiem:
- Sħubijiet mal-Kummissjoni Ewropea u l-BPN/IFI għal aċċess aktar faċli għall-finanzi u l-pariri, ibbażati fuq il-komplementarjetà mal-istrutturi u l-prodotti eżistenti.
- Tnedija madwar l-UE: twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni reġjonali tal-appoġġ tal-Grupp tal-BEI b’enfasi fuq il-pajjiżi tal-UE b’sistemi ta’ akkomodazzjoni inqas maturi u bi ħtiġijiet kbar mhux issodisfati, fejn komponent konsultattiv imsaħħaħ se jikkomplementa l-finanzjament.
- Approċċ tal-katina tal-valur: il-ftuħ għal tipi ġodda ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni – mill-innovazzjoni fil-kostruzzjoni għall-iżvilupp tal-proprjetà immobbli għas-sjieda, b’salvagwardji ta’ politika.
- Mobilizzazzjoni tas-settur privat: espansjoni tal-bażi tal-klijenti biex tinkludi promoturi privati li jaħdmu għal profitt
F’Lulju 2024, it-Task Force dwar l-Akkomodazzjoni li għadha kif ġiet stabbilita organizzat avveniment ta’ bidu li kienet tinvolvi madwar 300 parti kkonċernata ppubblika u privata biex jiddiskutu ż-żieda tal-appoġġ finanzjarju għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli madwar l-UE. L-avveniment ġie segwit minn laqgħat tekniċi fil-ħarifa mal-partijiet ikkonċernati biex jgħinu fit-tfassil ta’ pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea flimkien mal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni Ewropea diġà hija attiva fil-qasam tal-akkomodazzjoni, b’appoġġ permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, InvestEU, LIFE u Orizzont Ewropa, fost l-oħrajn.
Kif huwa deskritt fl-ittra tal-missjoni tal-Kummissarju Jørgensen, il-Kummissjoni se tippubblika l-ewwel Pjan Ewropew għall-Akkomodazzjoni Affordabbli li qatt sar. Il-pjan se joffri assistenza teknika lill-bliet u lill-Istati Membri u se jiffoka fuq l-investiment u l-ħiliet meħtieġa. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tiżviluppa Strateġija Ewropea għall-Kostruzzjoni tal-Akkomodazzjoni biex tappoġġa l-provvista tal-akkomodazzjoni, tistabbilixxi pjattaforma ta’ investiment pan-Ewropea għall-akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli, twettaq analiżi tal-impatt tal-ispekulazzjoni fis-settur tal-akkomodazzjoni, tappoġġa lill-Istati Membri biex jirdoppjaw l-investimenti ppjanati tal-politika ta’ koeżjoni fl-akkomodazzjoni affordabbli, tindirizza kwistjonijiet sistemiċi b’kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u tagħmel proposti biex tindirizza l-użu ineffiċjenti tal-istokk attwali tal-akkomodazzjoni u tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippermetti miżuri ta’ appoġġ għall-akkomodazzjoni, b’mod partikolari għall-effiċjenza enerġetika u l-akkomodazzjoni soċjali.
Informazzjoni ta’ sfond
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Bħala istituzzjoni mibnija madwar tmien prijoritajiet ewlenin, aħna niffinanzjaw investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika tal-UE billi nsaħħu l-azzjoni klimatika u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, l-unjoni tas-swieq kapitali, u Ewropa aktar b'saħħitha f’dinja aktar paċifika u prospera.
Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond ta’ Investiment Ewropew (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġettta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.
Il-proġetti kollha ffinanzjati mill-Grupp tal-BEI huma konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, kif imwiegħed fil-Plan Direzzjonali tal-Bank dwar il-Klima. Kważi 60% tal-finanzjament annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġa proġetti li jikkontribwixxu direttament għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, u għal ambjent aktar b’saħħtu.
Billi rawwem l-integrazzjoni tas-suq u mmobilizza l-investiment, il-Grupp appoġġa rekord ta’ aktar minn €100 biljun f’investiment ġdid għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fl-2024 u mmobilizza €110 biljun f’kapital għat-tkabbir għal negozji ġodda, negozji li qed jespandu u pijunieri Ewropej. Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa mmirat lejn ir-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul per capita huwa aktar baxx mill-medja tal-UE.
Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk.
European Commission and EIB group lay foundations for a new pan-European investment platform for affordable and sustainable housing
©EIB
Download original
European Commission and EIB group lay foundations for a new pan-European investment platform for affordable and sustainable housing
©EIB
Download original
Affordable and sustainable housing
©Getty Images
Download original