- Terz tal-finanzjament imur biex tiġi indirizzata l-pandemija, fil-biċċa l-kbira biex jiġu protetti l-SMEs, biex jiġu aġġornati l-isptarijiet, u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-vaċċini u l-mediċini.
- Is-sehem tal-finanzjament għall-klima u l-ambjent jitla’ għal 40% tat-total tal-BEI, li jappoġġja t-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji tal-UE u jsostni l-progress lejn il-Bank għall-Klima.
- Finanzjament rekord mill-Fond Ewropew tal-Investiment jilħaq kważi €13-il biljun.
- It-tislif lill-Afrika jiżdied b’50% għal kważi €5 biljun, b’fokus fuq il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli.
- Il-President tal-BEI Werner Hoyer: “Il-bank tal-UE huwa aktar rilevanti minn qatt qabel għall-azzjoni dwar il-klima u l-kompetittività tal-Ewropa.”
Fis-sena tal-agħar kriżi globali tas-saħħa u ekonomika għal ġenerazzjonijiet, il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) malajr dawwar id-direzzjoni tan-negozju tiegħu biex jiġġieled kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha minn kull naħa. Żied il-volumi tal-finanzjament għal €76.8 biljun, u għaldaqstant qabeż il-miri tiegħu stess. Terz minn dawn il-fondi, €25.5 biljun, mar għar-rispons immedjat għall-kriżi li beda bl-ewwel pakkett f’Marzu. Il-biċċa l-kbira minnu ngħata lin-negozji ta' daqs żgħir u medju biex jiġu evitati insolvenzi u telf ta’ impjiegi, speċjalment f’pajjiżi li ma kellhomx il-mezzi baġitarji għal pakketti ta’ salvataġġ nazzjonali kbar ħafna.
Sabiex jirrifletti l-ħtieġa addizzjonali għall-appoġġ ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-appoġġ tal-Grupp tal-BEI għall-kumpaniji ta' daqs żgħir u medju żdied b’€5 biljun għal €30.6 biljun. B’kollox aktar minn 425,000 kumpanija gawdew mill-finanzjament, li sostna aktar minn 4.2 miljun impjieg. Il-bank tal-UE kiseb dan mingħajr ma warrab il-prijoritajiet tal-investiment l-oħrajn tiegħu: L-investiment fl-ambjent laħaq €16.8 biljun, proġetti infrastrutturali ġew appoġġjati b’€15-il biljun u €14.4 biljun marru fuq proġetti ta’ innovazzjoni.
“Fl-2020 urejna li ma hemm l-ebda kompromess bejn l-investiment fl-irkupru ekonomiku u l-investiment fl-azzjoni u l-innovazzjoni dwar il-klima. L-objettivi kollha tagħna huma marbuta flimkien. L-Ewropa tista’ toħroġ aktar b'saħħitha minn din il-kriżi biss billi tinvesti fl-ekonomija ekoloġika u diġitali tal-ġejjieni u mhux fi strutturi tal-passat – billi tiżgura li ma tħalli warajha l-ebda reġjun fl-Ewropa u billi taħdem mal-imsieħba tagħna barra mill-UE”, qal il-President tal-BEI Werner Hoyer fil-konferenza stampa annwali tal-Grupp tal-BEI fl-20 ta’ Jannar, permezz ta’ vidjokonferenza mil-Lussemburgu.
Investiment kruċjali fis-settur tas-saħħa
Bħala parti mir-rispons tal-COVID-19, il-Grupp tal-BEI żied sostanzjalment il-finanzjament tiegħu għas-settur tas-saħħa. Mhux biss appoġġja l-isptarijiet, iżda kellu wkoll rwol sostanzjali fl-iżvilupp u l-produzzjoni bil-massa tal-vaċċini biex jitwaqqaf il-virus devastanti. Kmieni din is-sena, il-bank tal-UE malajr approva self ta’ €100 miljun lil BioNTech, kumpanija Ġermaniża li pprovdiet l-ewwel vaċċin tal-COVID-19 f'assoċjazzjoni ma’ Pfizer. Il-Grupp iffinanzja għadd ta’ vaċċini, iżda wkoll kumpaniji li żviluppaw terapiji u teknoloġiji tal-ittestjar tal-COVID.
“Fil-perkors tas-sena, b’mod drammatiku żidna u aċċelerajna l-involviment tagħna fil-ġlieda kontra din il-pandemija devastanti, billi għinna eluf ta’ kumpaniji fl-UE u mad-dinja kollha”, qal il-President tal-BEI Werner Hoyer. “Il-ġlieda kontra l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha se żżommna okkupati fl-2021. Minbarra l-€25 biljun diġà pprovduti, il-Bord tagħna diġà approva kważi €25 biljun oħra ta’ finanzjament għal kumpaniji li qed ibatu u s-settur tas-saħħa.”
Parti minn dan il-finanzjament se jiġi mill-Fond ta’ Garanzija Ewropew (EGF) li beda jopera fil-ħarifa tas-sena 2020. L-Istati Membri tal-UE pprovdew garanziji ta’ kważi €25 biljun biex il-Grupp tal-BEI jkun jista’ jipprovdi finanzjament addizzjonali fil-biċċa l-kbira għall-kumpaniji ta' daqs żgħir u medju affettwati mill-kriżi.
Progress lejn il-bank tal-UE għall-klima
Fl-istess ħin, il-BEI żamm il-wegħda tiegħu li jżid l-investiment ekoloġiku u jittrasforma fil-bank tal-UE għall-klima. Is-sehem tal-investimenti tal-BEI li mar għal proġetti ta’ azzjoni dwar il-klima u għas-sostenibbiltà ambjentali s-sena li għaddiet żdied minn 34% għal 40%, minkejja l-kriżi tal-COVID, li qarreb lill-Bank tal-UE lejn il-mira tiegħu ta’ 50%. Il-Grupp għandu l-mira li jimmobilizza investiment ta’ €1 triljun għall-klima u l-ambjent sat-tmiem tad-deċennju. F’Novembru 2020, il-Bord tal-BEI approva l-Pjan Direzzjonali tal-Bank għall-Klima li jiddefinixxi l-modi kif se jikseb dawn il-miri ambizzjużi. Il-Pjan Direzzjonali jbassar it-tneħħija gradwali tal-finanzjament għal proġetti b’emissjonijiet għoljin bħal espansjonijiet ta’ ajruporti u jistabbilixxi kriterji stretti għall-finanzjament ta’ oħrajn, bħal awtostradi, wara li l-Bank diġà ħabbar it-tmiem għal proġetti kontinwi bl-użu tal-gass.
“Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ma tistax tistenna sakemm tintemm il-pandemija. Il-kriżi tal-COVID mhijiex raġuni biex nieqfu niġġieldu kontra l-isfidi tal-klima u l-ambjent li l-umanità qed taffaċċja. Il-Grupp tal-BEI għamel progress tajjeb bil-Pjan Direzzjonali tal-Bank għall-Klima. Insejjaħ lill-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħrajn biex jieħdu pożizzjonijiet simili kontra proġetti li mhumiex sostenibbli ambjentalment. Minflok il-finanzjament ta’ assi li se jkollna nħassru fil-ġejjieni, għandna ninvestu fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-enerġija sostenibbli, fil-mobilità sostenibbli u fl-innovazzjoni ekoloġika. Neħtieġu investiment sostanzjali f’irkupru ekoloġiku”, qal il-President Hoyer.
Periklu ta’ distakk dejjem jikber fl-investiment fl-Ewropa
Ir-Rapport tal-Investiment tal-BEI l-ġdid juri li hemm distakk dejjem jikber fl-investiment li qed jhedded l-ambizzjonijiet tal-Ewropa għal irkupru ekoloġiku. Skont ir-rapport li se jiġi ppubblikat nhar il-Ħamis, il-21 ta’ Jannar, 45% tal-kumpaniji tal-UE huma mistennija li jnaqqsu l-investiment tagħhom immedjatament wara l-kriżi, filwaqt li 6% biss huma mistennija li jżiduh. Ir-rapport iwissi li l-kumpaniji huma konxji minn ħtieġa urġenti biex jinvestu, speċjalment fid-diġitalizzazzjoni u l-azzjoni dwar il-klima, iżda l-kriżi tal-COVID qed iċċaħħadhom mill-mezzi biex jagħmlu dan.
“Għandna nkunu nkwetati bl-impatt enormi li l-coronavirus ħalla fuq il-pjanijiet għall-investiment. L-Ewropa tinsab f’periklu li taqa' lura fil-kompetizzjoni globali jekk ma timmobilizzax aktar flus għall-innovazzjoni”, qal Hoyer. “Iżda għandna wkoll inkunu mħeġġa bis-suċċess tal-pilastru finanzjarju tal-pjan Juncker, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi li fis-sajf li għadda kiseb il-mira miżjuda tiegħu biex jimmobilizza €500 biljun ta' investiment, aktar qabel milli kien skedat. Urejna li, bi strumenti kreattivi u komplementarjetà li taħdem sew bejn l-għodod finanzjarji u l-appoġġ baġitarju, porzjon relattivament żgħir tal-flejjes pubbliċi jista’ jattira ammont sostanzjali ta’ investiment privat lejn proġetti li inkella kien se jkun diffiċli għalihom biex isibu finanzjament.”
Sena rekord għall-FEI
Eżempju ieħor għal użu ferm effiċjenti ta’ riżorsi pubbliċi huwa l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), is-sussidjarju tal-BEI li jappoġġja kumpaniji b’teknoloġija għolja fil-fażi tal-bidu u SMEs mal-Ewropa kollha. Dan kiseb sena rekord oħra billi ffirma operazzjonijiet b’volum totali ta’ €12.9 biljun, żieda ta’ 26% mill-2019. Il-FEI ġġenera l-finanzjament tant meħtieġ għal aktar minn 330,000 SME u kumpaniji żgħar b'kapitalizzazzjoni medja.
L-operazzjonijiet iffirmati s-sena li għaddiet waħedhom se jipprovdu lil madwar 66,000 unità domestika b’akkomodazzjoni soċjali u affordabbli rinnovati jew ġodda u 1.4 miljun unità domestika b'servizzi tal-broadband b’veloċità għolja. 280 miljun persuna se jingħataw it-tilqima tal-COVID-19 bis-saħħa tal-finanzjament tal-BEI, kważi 30 miljun se jibbenefikaw minn ilma tajjeb għax-xorb aktar sigur u aktar minn 15-il miljun minn sanità mtejba. Se jitħawlu aktar minn 145,000 ettaru ta’ foresti ġodda u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku se tiżdied b’aktar minn 10 GW li minnhom 83% ġejjin minn sorsi rinnovabbli. Dawn huma biss ftit eżempji tal-impatt konkret li l-investiment tal-Grupp tal-BEI għandu għan-nies fl-Ewropa u mad-dinja kollha.
L-investiment madwar id-dinja biex tinbena reżiljenza u titkompla l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi klimatika huma sfida doppja għad-dinja kollha, u huwa għalhekk li l-Grupp tal-BEI żied l-isforzi tiegħu biex jappoġġja l-viċinat tal-UE, l-Afrika u reġjuni oħra. 13% tal-finanzjament tas-sena li għaddiet – €10.2 biljun – mar lejn pajjiżi barra mill-UE, biex jgħin lill-Unjoni Ewropea tikseb l-għanijiet tal-politiki tagħha, ittejjeb il-ħajjiet tan-nies, timmodernizza s-sistemi tas-saħħa u tibni reżiljenza ekonomika. Il-bank tal-UE kiseb tislif rekord fl-Afrika, fejn iffirma volum ta’ aktar minn €4.7 miljun, żieda ta’ 50% fuq is-sena ta’ qabel. Ilħaqna l-mira għal Shelnvest, l-inizjattiva tagħna biex jiġi mmobilizzat €1 biljun f’investiment biex tingħata spinta għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex in-nisa jiġu emanċipati ekonomikament madwar l-Afrika kollha.
“Il-BEI qed jikkonċentra l-isforzi tiegħu biex jgħin xi wħud mill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli, fejn l-għajxien tan-nies illum huwa mhedded mill-kriżi klimatika. Eżempju wieħed huwa l-impenn tagħna mħabbar riċentement fl-Inizjattiva tal-Ħajt Ekoloġiku Kbir, li jipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku biex isostni agrikoltura sostenibbli, enerġija u ilma nodfa, infrastruttura u investiment fis-settur privat fi 11-il pajjiż tas-Saħel”, qal il-President Hoyer.
Mexxej li jattira flus minn investituri sostenibbli
Sabiex jiffinanzja attivitajiet bħal dawn, il-Grupp tal-BEI żied il-bijodiversità mal-firxa ta’ attivitajiet li jiffinanzja bil-Bonds għal Kuxjenza dwar is-Sostenibbiltà tiegħu, iż-żieda l-aktar riċenti mal-familja tal-bonds tiegħu. Il-BEI, li jiffinanzja l-attivitajiet tiegħu fuq is-suq kapitali globali u jibbenefika minn klassifikazzjoni “AAA”, diġà kien minn tal-ewwel fis-suq tal-Bonds Ekoloġiċi: Ħareġ l-ewwel bond ekoloġiku tiegħu fl-2007 u llum għadu l-mexxej fis-suq b’volum ta’ aktar minn €35 biljun maħruġa. B’mod ġenerali, il-BEI fis-sena li għaddiet issellef €70 miljun minn investituri internazzjonali, kważi €20 biljun aktar mis-sena ta’ qabel.
“Il-BEI mhuwiex biss l-akbar finanzjatur multilaterali fid-dinja: billi jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarju, huwa wkoll l-akbar sellief multilaterali fid-dinja. L-approċċ kreattiv tal-Bank għas-self jistabbilixxi standards biex l-investituri jsiru konxji tas-setgħa tagħhom li jifformaw u jappoġġjaw il-politiki t-tajbin. Il-bonds għal kuxjenza dwar il-klima u s-sostenibbiltà kienu meqjusa bħala riskju meta introduċejniehom. Issa dawn jistabbilixxu standards li kulħadd jixtieq jilħaq, biex għaldaqstant tissaħħaħ l-ekonomija ekoloġija mad-dinja kollha” qal Hoyer.