>@EIB
  • 60% tal-muniċipalitajiet iqisu l-investimenti tagħhom fl-infrastruttura għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-klima fl-aħħar tliet snin mhumiex suffiċjenti
  • 69% tal-muniċipalitajiet m’għandhomx esperti b’ħiliet għall-valutazzjoni ambjentali u tal-klima, u din hija problema serja għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment lokali.
  • Madwar 80% tal-muniċipalitajiet jgħidu li n-nuqqas ta’ finanzjament, it-tul tal-proċessi regolatorji u l-inċertezza dwar ir-regolamenti huma ostakli għall-investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ħareġ is-sejbiet tal-Istħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet 2022. Dan l-istħarriġ komprensiv ikopri 744 muniċipalità mal-Unjoni Ewropea kollha u jipprovdi għarfien uniku f’investimenti passati u ppjanati, kif ukoll l-isfidi u l-progress li l-muniċipalitajiet jaffaċċjaw fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħhom. Billi l-muniċipalitajiet huma responsabbli għal kważi nofs l-investiment pubbliku fl-UE, dawn is-sejbiet huma ta’ importanza kbira.

Sejbiet Ewlenin mill-Istħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet 2022:

1.     Lakuni u Sfidi fl-Investiment Nuqqas ta’ finanzjament, u proċess regolatorji inċerti u fit-tul ikomplu jxekklu lill-muniċipalitajiet milli jippjanaw investimenti kruċjali. Barra minn dan, fir-rigward tal-implimentazzjoni, in-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u l-ostakli fil-katina tal-provvista joħolqu limiti sinifikanti.

2.     Nuqqas ta’ Ħiliet: L-istħarriġ jenfasizza l-importanza kritika li jiġi pprovdut it-taħriġ neċessarju għall-forza tax-xogħol attwali u futura. Il-muniċipalitajiet irrappurtaw diffikultajiet biex jingaġġaw esperti b’ħiliet ambjentali u tal-klima, kif ukoll kompetenza esperta teknika u kompetenza esperta fl-inġinerija. Huwa essenzjali li dawn l-isfidi jiġu indirizzati biex jiġu eżegwiti pjanijiet ta’ investiment b’suċċess.

3.     Fokus fuq it-Tranżizzjonijiet Diġitali u Ekoloġiċi: Il-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima, l-adattament, u l-infrastruttura diġitali għandhom rwol ċentrali fil-pjanijiet ta’ investiment tal-muniċipalitajiet għat-tliet snin li ġejjin. Madankollu, aktar minn sitt muniċipalitajiet f’għaxra jesprimu nuqqas ta’ sodisfazzjoni bl-investimenti passati tagħhom fil-mitigazzjoni u l-adattament għall-klima, filwaqt li 40% irrappurtaw nuqqas ta’ sodisfazzjon bl-investimenti tagħhom fl-infrastruttura diġitali.

4.     Disparità Reġjonali: Il-muniċipalitajiet Ewropej huma aktar avvanzati fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom aktar milli huma fit-tranżizzjoni ekoloġika. Filwaqt li r-reġjuni bi dħul ogħla juru proporzjon ogħla ta’ muniċipalitajiet li jinvestu b’mod attiv fiż-żewġ tranżizzjonijiet, reġjuni inqas żviluppati jaffaċċjaw is-sfidi biex jagħmlu progress simili.

Ostakli għall-investiment muniċipali

>@EIB

Sa kemm tqis li kull waħda minn dawn li ġejjin hija ostaklu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ investiment fl-infrastruttura tagħkom? Hija ostaklu ewlieni, ostaklu minuri jew mhux ostaklu affattu?  bħala perċentwal
*Bażi: Il-muniċipalitajiet kollha (esklużi tweġibiet ma nafx/miċħuda)

“Kif jiżvela l-Istħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet tal-BEI, il-muniċipalitajiet mal-Ewropa kollha jaffaċċjaw lakuni sinifikanti fl-investiment, b’mod partikolari fl-infrastruttura għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Huwa kruċjali għal dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati li jindirizzaw dawn il-lakuni u jagħtu prijorità għal investimenti sostenibbli u reżiljenti għal futur aktar diġitali u ekoloġiku. In-nuqqas ta’ ħiliet persistenti, inkluż fil-livell tal-muniċipalitajiet, irid jiġi indirizzat mal-Ewropa kollha biex ikun hemm implimentazzjoni adegwata tal-programmi ta’ investiment reġjonali u pan-Ewropej.” qalet Debora Revoltella, Kap ekonomista tal-BEI.

Il-Viċi President tal-BEI Ricardo Mourinho Felix qal “L-investimenti muniċipali huma fundamentali biex jipprovdu appoġġ konsistenti għan-nies u għan-negozji. Meta jitqies il-proporzjon sinifikanti ta’ investimenti pubbliċi magħmula mill-muniċipalitajiet, huwa imperattiv li huma jkunu mgħammra bir-riżorsi neċessarji, l-għarfien espert, u n-networks kooperattivi sodi għal implimentazzjoni effettiva. Hekk kif id-dinja qed tkompli tevolvi b’rata mgħaġġla, ir-rwoli tal-muniċipalitajiet fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jsiru dejjem aktar kritiċi. Sabiex jitrawmu prattiki sostenibbli fis-setturi kollha bħall-ippjanar urban, l-effiċjenza fl-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart, u t-trasport, jeħtieġ titjib tal-kompetenza esperta mal-Ewropa kollha. L-Istħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet tal-BEI tagħna jipprovdi għarfien fl-istrateġiji tal-adattament tal-muniċipalitajiet, u jenfasizza l-ħtiġijiet sinifikanti li jridu jiġu indirizzati għall-ġejjieni.”

L-attivitajiet tal-BEI fir-reġjuni ta’ koeżjoni

Illum il-BEI ħareġ ukoll rapport ġdid li janalizza l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fir-reġjuni ta’ koeżjoni fl-2022. Ir-rapport jiffoka fuq il-kontribut tal-Grupp tal-BEI għall-innovazzjoni għal tranżizzjoni ekoloġika u diġitali inklużiva u l-impatt makroekonomiku tagħha. Fl-2022, il-Grupp tal-BEI pprovda €28.4 biljun għal proġetti fir-reġjuni ta’ koeżjoni. L-appoġġ għall-innovazzjoni rrappreżenta 25% tal-għoti ta’ self totali tal-BEI fl-2022, li minnu €4.6 biljun (34%) kien fir-reġjuni ta’ koeżjoni. L-investimenti ekoloġiċi qed jiżdiedu: pereżempju fl-2021, is-sehem ta’ investimenti ekoloġiċi ffinanzjati mill-BEI kien ogħla fis-self ta’ koeżjoni milli fis-self totali tal-UE, f’konformità ma’ L-orjentament ta’ koeżjoni tal-BEI, li impenja ruħu li jżid b’mod sinifikanti s-sehem tas-self għall-azzjoni klimatika u ambjentali fir-reġjuni ta’ tranżizzjoni u r-reġjuni anqas żviluppati.

Il-Viċi President tal-BEI Lilyana Pavlova kkummentat: “Hekk kif il-koeżjoni reġjonali għaddejja minn inċertezza ġeopolitika, flimkien mal-wasla tar-refuġjati u x-xokk tal-enerġija, il-bliet u r-reġjuni għad iridu jittrasformaw biex jilħqu l-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni Ewropea u jnaqqsu d-distakk diġitali. L-innovazzjoni hija kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Il-Grupp tal-BEI jipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod finanzjarji u konsultattivi bħala appoġġ għal dawn l-għanijiet ta’ politika li wrew impatt tanġibbli.”

Għal aktar informazzjoni u biex taċċessa r-rapport sħiħ tal-istħarriġ, ikklikkja hawn.

Informazzjoni ta’ sfond

Dwar id-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI

Id-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI jipprovdi riċerka u studji fl-ekonomija, kif ukoll analiżi unika tal-attivitajiet tal-investiment fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha u jappoġġa lill-Bank fl-operazzjonijiet tiegħu u fid-definizzjoni tal-pożizzjonament, l-istrateġija u l-politika tiegħu. Il-Kap Ekonomista Debora Revoltella hija l-kap tad-Dipartiment, li huwa magħmul minn tim ta’ 40 ekonomista.

Dwar l-appoġġ għall-koeżjoni tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ tislif fuq żmien fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Jipprovdi finanzjament fuq żmien fit-tul għal investiment sod sabiex jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politiki tal-UE. Il-finanzjament ta’ proġetti li jgħinu fit-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea ilu fil-qalba tal-operazzjonijiet tal-BEI sa minn meta ġie stabbilit fl-1958.

L-għoti ta’ self tiegħu fiż-żoni ta’ koeżjoni jkopri l-firxa sħiħa tal-attività ekonomika u jrid jaqa’ taħt tal-anqas waħda mill-erba’ prijoritajiet tal-BEI: l-innovazzjoni (kapital diġitali u l-kapital uman); bidliet u reġjuni sostenibbli; enerġija sostenibbli u riżorsi naturali; u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Ir-reġjuni ta’ koeżjoni tal-BEI jinkludu reġjuni inqas żviluppati (PDG per capita ta’ inqas minn 75% tal-medja tal-UE) u reġjuni fi tranżizzjoni (PDG per capita ta’ bejn 75% u 100% tal-medja tal-UE), kif definit mill-mappa tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.