Bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew daqt magħna, ħafna se jkunu qed jistaqsu x’għamlet l-Unjoni Ewropea għalina mill-aħħar elezzjoni tal-2019 ’l hawn. Hawnhekk se nagħtu xi punti saljenti
Dan ix-xahar, mijiet ta’ miljuni ta’ votanti se jmorru jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u ħafna se jkunu qed jistaqsu x’għamlet għalihom l-Unjoni Ewropea mill-aħħar elezzjoni tal-2019 ’l hawn.
Il-fatt li 27 pajjiż jagħżlu li jgħaqqdu s-sovranità tagħhom u jibnu sħubija ekonomika, soċjali u politika bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-paċi, tal-ġustizzja, tar-rispett u tas-solidarjetà huwa uniku fl-istorja tad-dinja. Dan huwa trijonf li m’għandniex niħduh bħala fatt, speċjalment meta għad hawn tant nies fid-dinja li jixtiequ li jkollhom il-libertà li jagħżlu l-gvern tagħhom minn firxa varjata ta’ kandidati u partiti.
Fi żmien meta l-art ġeopolitika qiegħda tinbidel, l-ordni globali li aħna għinna biex jinbena – u li qdiena tajjeb għal dawn l-aħħar 80 sena – għaddej minn fażi ta’ prova. Madankollu, l-akbar sfidi li għandna – kemm jekk jikkonċernaw is-sigurtà, is-saħħa, id-diġitalizzazzjoni, kif ukoll it-tibdil fil-klima – għadhom tagħna lkoll, u jeħtieġu l-kooperazzjoni biex jiġu indirizzati. L-esperjenza tal-Ewropa nnifisha turi li aħna aktar b’saħħitna flimkien, u li nistgħu nirnexxu meta naġixxu skont tliet prinċipji: l-għaqda, id-determinazzjoni, u s-solidarjetà.
L-esperjenza li qsamna mill-aħħar elezzjonijiet Ewropej ’l hawn hija xhieda tal-valur li l-Unjoni Ewropea żżid fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Meta faqqgħet pandemija bla preċedent, kull ċittadin kellu aċċess għal vaċċini li salvaw il-ħajjiet, u l-ġbir flimkien tar-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji kellu impatt notevoli.
Pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew ipprovda likwidità biex jipproteġi s-sistemi finanzjarji tagħna; il-programm tal-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza tal-Kummissjoni Ewropea (SURE) għen lill-pajjiżi jipproteġu l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea kollha, u l-Fond ta’ Garanzija Ewropew tal-Bank Ewropew tal-Investiment ikkomplementa s-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali biex jipproteġu l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-ekosistema kummerċjali usa’. Anke bħalissa, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza qed tippromwovi r-riformi u l-investimenti meħtieġa biex niksbu rkupru b’saħħtu, u biex nixprunaw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Storja ta’ suċċess
Fi ftit kliem, l-Unjoni Ewropea hija storja brillanti ta’ suċċess.
Mhux biss ġabet il-prosperità, il-paċi, l-istabbiltà, u l-progress soċjali lil komunità Ewropea kbira, iżda saret ukoll forza għall-ġid fid-dinja. Hija sors ewlieni ta’ għajnuna umanitarja u finanzi għall-iżvilupp, promotur b’saħħtu tal-istituzzjonijiet multilaterali li jżommu l-istabbiltà finanzjarja globali, u sostenitur ewlieni tal-pajjiżi l-aktar vulnerabbli tad-dinja.
Jiena kburija bir-rwol strumentali tal-Grupp tal-BEI fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati. Bi €22 biljun ($24 biljun) ta’ kapital imħallas, stajna nimmobilizzaw aktar minn €5 triljun f’investiment. Dan il-finanzjament intuża biex jappoġġja l-aqwa infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, sptarijiet, skejjel, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju madwar l-Unjoni Ewropea, teknoloġiji innovattivi ħafna, u ħafna negozji ġodda li qed jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel, u b’hekk qed jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u jsaħħaħ l-awtonomija u s-sigurtà strateġiċi tagħna.
Biex insemmi biss ftit eżempji reċenti, il-Grupp tal-BEI appoġġja l-iżvilupp tal-vaċċini fl-Unjoni Ewropea b’ self lil BioNTech, il-kumpanija li pprovdiet il-pjattaforma innovattiva tal-mRNA fl-eqqel tal-pandemija. Qegħdin niffinanzjaw ukoll l-akbar fabbrika tal-pannelli solari fl-Italja, l-ewwel gigafactory tal-batteriji għall-produzzjoni ċirkolari fl-Iżvezja, u parks eoliċi kbar fuq il-baħar fir-reġjun Baltiku u dak Nordiku. U ffinanzjajna impjant innovattiv tal-manifattura taċ-ċipep fi Franza, sforzi biex tiġi dekarbonizzata l-industrija peżanti fil-Ġermanja, proġetti u infrastruttura ġodda tal-idroġenu ekoloġiku fil-Peniżola Iberika, u titjib fin-network Pollakk tat-trażmissjoni tal-elettriku.
Investiment aċċellerat
Mill-ħolqien tiegħu fl-1958, il-Grupp tal-BEI ffinanzja politiki tal-UE u evolva biex jissodisfa l-ħtiġijiet Ewropej. Jiena konvinta li bħalissa qed niffinanzjaw it-teknoloġiji li se jkunu l-pedament ta’ ekonomija effiċjenti newtrali għall-klima, u li se jkunu strumentali biex iħaffu d-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni.
Iżda aħna determinati wkoll li nappoġġjaw l-agrikoltura Ewropea, ngħinu lill-industriji tagħna jaħtfu l-opportunitajiet eżistenti, insaħħu l-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa, u nindirizzaw sfidi bħall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni (kwistjoni importanti għan-nies fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE). Minħabba r-rekord tal-Grupp tal-BEI, jiena konvinta li se jkollna wkoll rwol importanti fl-appoġġ tal-fażi li jmiss tat-tkabbir tal-UE u fl-amplifikazzjoni tal-vuċi tal-Ewropa fid-dinja.
Kunfidenza u solidarjetà
It-taqlib li kellna fil-ħames snin mill-aħħar elezzjonijiet Ewropej ’l hawn juruna li l-Ewropa għandna bżonnha aktar, mhux anqas. Għandna bżonn l-Unjoni Ewropea għas-sigurtà, l-istabbiltà, u l-prosperità tagħna. Waqt li l-populisti qegħdin iwiegħdu soluzzjonijiet faċli u jappellaw għal anqas solidarjetà, irridu niftakru x’qed tagħmel għalina l-Unjoni Ewropea kuljum.
Qed jitfaċċa ordni ġeopolitiku ġdid, u l-pedament tas-suċċess tal-Ewropa għaddej minn fażi ta’ prova. Id-deċiżjonijiet tagħna fil-kaxxa tal-voti se jiddeterminaw il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tagħha fid-dinja f’mument kruċjali fl-istorja.
Jiena nemmen li din l-elezzjoni għandha tkun vot ta’ kunfidenza fl-Ewropa u fil-prinċipju tas-solidarjetà. Irridu nsaħħu l-istituzzjonijiet li ilhom żmien twil jassiguraw il-paċi u l-prosperità tagħna, u li għadhom xempju u forza għall-ġid fid-dinja. Ejjew niddefendu l-valuri Ewropej tagħna. Ejjew niffokaw fuq dak li verament jgħodd. Ejjew napprezzaw dak li l-Unjoni Ewropea tfisser għas-sigurtà, il-benesseri, u l-prosperità fl-Istati Membri kollha. Imbagħad ejjew nużaw il-vot tagħna!
- Aqra aktar dwar kif il-vot tiegħek jista’ jsawwar il-futur tal-UE
Dan l-aritiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba minn Project Syndicate.