1. Kontrollur
Din id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tipprovdi informazzjoni dwar l-iskop tal-ipproċessar imwettaq mit-Taqsima tal-Investigazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI (“IG/IN”), minn hawn ’il quddiem “il-BEI” jew “aħna” matul l-investigazzjonijiet imwettqa bl-għan li jinqabdu u jiġu evitati l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe mġiba pprojbita oħra li taffettwa l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI.
Fit-twettiq ta’ din l-attività, l-ipproċessar tad-data personali ma jinvolvix l-eżistenza ta’ teħid awtomatiku ta’ deċiżjonijiet, inkluż l-ipprofilar.
2. Skop tal-ipproċessar
Din id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tipprovdi informazzjoni dwar l-iskop tal-ipproċessar imwettaq mill-BEI matul investigazzjonijiet ta’ aġir ipprojbit u tipi oħra ta’ mġiba ħażina. Il-BEI jwettaq kompiti fl-eżerċitar tal-awtorità mogħtija lilu skont id-Dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-Istatut tiegħu.
Il-BEI jipproċessa d-data personali tiegħek sabiex ikun jista’ jwettaq u jimmaniġġa l-investigazzjonijiet, b’mod raġonevoli u korrett, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli. Id-data personali tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (iktar ’il quddiem il-GDPR tal-UE).
Speċifikament, il-BEI jipproċessa d-data personali għal-iskop(ijiet) speċifikati hawn isfel, kif deskritt fir-rekord. L-IG/IN tinvestiga allegazzjonijiet kredibbli ta’ mġiba pprojbita fuq operazzjonijiet iffinanzjati mill-Grupp tal-BEI u twettaq Rieżamijiet tal-Integrità Proattiva (PIRs) fuq kwalunkwe operazzjoni jew attività tal-Grupp tal-BEI, kif definit fil-Politika kontra l-Frodi tal-Grupp tal-BEI. Fuq talba, l-IG/IN tmexxi investigazzjonijiet interni dwar allegat ksur tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-Persunal tal-Grupp tal-BEI u l-Politika tal-Grupp tal-BEI dwar id-Dinjità fuq ix-Xogħol. L-IG/IN tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha abbażi tal-Proċeduri ta’ Investigazzjoni tal-BEI. L-investigazzjonijiet immexxija mill-IG/IN huma investigazzjonijiet amministrattivi.
3. Bażi Legali tal-ipproċessar
Il-bażi legali tal-operazzjoni tal-ipproċessar hija:
- l-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
- l-Artikolu 18 tal-Istatut tal-BEI u l-Artikoli 2 u 28 tal-Istatuti tal-FEI;
- ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tat-18 ta’ Lulju 2018;
- id-Deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI tas-27 ta’ Lulju 2004 dwar il-kooperazzjoni tal-BEI mal-OLAF;
- Il-Politika Kontra l-Frodi tal-Grupp tal-BEI;
- Il-Karta tat-Taqsima tal-Grupp tal-BEI għall-Investigazzjonijiet ta’ Frodi.
Politiki addizzjonali ta’ rilevanza tal-BEI huma:
- Gwida għall-Akkwist għal proġetti ffinanzjati mill-BEI
- Politika tal-Iżvelar ta’ Informazzjoni tal-Grupp tal-Bank tal-Investiment Ewropew
- Politika tal-Grupp tal-BEI dwar id-Dinjità fuq ix-Xogħol
- Kodiċi ta’ Kondotta tal-Persunal tal-Grupp tal-BEI
- Politika ta’ Esklużjoni tal-BEI
4. Kategoriji ta’ suġġetti tad-data
Il-kategoriji li ģejjin ta’ individwi (suġġetti tad-data) huma/jistgħu jkunu kkonċernati mill-ipproċessar taħt it-Taqsima 2 ta’ hawn fuq:
Suġġetti tad-data kkonċernati: - Individwi li huma involuti f’każ taħt investigazzjoni jew taħt PIR mill-BEI; - Individwi li għandhom relazzjoni mal-individwu maħtur bħala parti minn investigazzjoni tal-Grupp tal-BEI; - Individwi rreġistrati fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni tal-Kummissjoni (EDES).
Kategoriji oħrajn ta’ suġġetti tad-data: - Promoturi, mutwatarji, kuntratturi, fornituri, benefiċjarji, konsulenti, intermedjarji, aġenti, konsulenti jew partijiet interessati oħra fi proġett iffinanzjat mill-Grupp tal-BEI u l-affiljati ta’ dawn ta’ hawn fuq; - Offerenti, kuntratturi, fornituri, fornituri ta’ servizzi u persuni jew entitajiet oħra li jsiru akkwisti mingħandhom mill-Grupp tal-BEI f’ismu stess u s-sottokuntratturi tagħhom, jekk ikun hemm; - membri tal-Grupp tal-BEI ta’ korpi u persunal governattivi.
5. X’data personali nipproċessaw?
Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tagħha, l-IG/IN tiġbor data ta’ identifikazzjoni, data professjonali u data ta’ involviment f’każ. Din id-data tista’ tintuża biex tivvaluta allegazzjonijiet ta’ mġiba pprojbita u tiddetermina jekk kienx hemm mġiba ħażina jew għemil ħażin. Tista’ tintuża wkoll għal skopijiet ta’ kuntatt.
B’mod speċifiku, il-kategoriji ta’ data pproċessata jistgħu jinkludu:
- Data ta’ identifikazzjoni tas-suġġett;
- Data dwar l-involviment fil-każ, bħal allegazzjonijiet, sommarju ta’ fatti u evidenza relatati mal-imġiba pprojbita jew imġiba ħażina oħra li tinvolvi s-suġġett, dikjarazzjonijiet u rekords magħmula minn jew attribwiti lil individwi fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew PIR, komunikazzjonijiet jew noti li jsemmu s-suġġett tad-data fir-rigward tal-avvenimenti taħt investigazzjoni, informazzjoni dwar relazzjonijiet personali;
- Data professjonali bħall-pożizzjonijiet, il-funzjonijiet u l-organizzazzjonijiet ta’ individwu (attwali u storiċi);
- Kwalunkwe deċiżjoni ta’ esklużjoni/divjiet relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni u referenzi għall-awtorità li tkun ħarġet id-deċiżjoni ta’ esklużjoni/divjiet.
6. Minn fejn niksbu d-data personali tiegħek?
Id-data tista' tinġabar abbażi ta' rapport minn membru tal-persunal tal-Grupp tal-BEI jew informatur estern, inklużi sorsi anonimi jew kunfidenzjali, abbażi ta' informazzjoni pubblikament disponibbli u fil-kuntest tal-PIRs kif previst mill-Artikoli 62 u 63 tal-Politika kontra l-Frodi tal-Grupp tal-BEI. Id-data tista’ tinġabar bi kwalunkwe mill-mezzi pprovduti fil-Politiki kontra l-Frodi tal-BEI inkluż billi jkun hemm aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti, dokumentazzjoni u postijiet tal-Grupp tal-BEI u/jew il-proġetti ffinanzjati mill-Grupp tal-BEI, u billi tintalab informazzjoni bil-fomm minn kwalunkwe persuna rilevanti.
7. Lil min tiġi żvelata d-data tiegħek?
Il-persunal responsabbli tal-IG/IN għandu aċċess għad-data tiegħek.
Barra minn dan, id-data tiegħek tista’ tiġi ttrasferita lil persuni nnominati fi ħdan il-Grupp tal-BEI kif ukoll lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE, lil organizzazzjonijiet internazzjonali u/jew l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati jew f’pajjiżi terzi sabiex tiġi żgurata t-tmexxija xierqa tal-investigazzjoni u f’konformità mal-Artikoli 4 sa 6, 9 sa 11, u 47 sa 50 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Kwalunkwe data miġbura tista’ tiġi pprovduta lil jew aċċessata minn awtoritajiet previsti mil-liġi (UPPE/OLAF/QEA/EDPS/OMBUDSMAN/QĠUE/Qrati nazzjonali). L-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta’ investigazzjoni partikolari f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala riċevituri. L-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli skont l-għanijiet tal-ipproċessar.
L-IG/IN għandha tinforma individwalment lill-persuni rilevanti fl-investigazzjonijiet tagħha: l-informaturi, ix-xhieda u l-persuni kkonċernati. Għas-Suġġetti l-oħra kollha tad-Data, l-obbligu jiġi rrispettat billi jiġi ppubblikat l-avviż ta’ privatezza fuq l-internet.
8. Trasferimenti Internazzjonali
Id-data tiegħek tista’ tiġi ttrasferita lil entitajiet stabbiliti barra l-UE jew iż-Żona Ekonomika Ewropea skont it-Taqsima 7 hawn fuq u s-salvagwardji ta’ hawn taħt huma fis-seħħ:
Derogi u/jew il-Memoranda ta’ Qbil bejn il-BEI u pajjiżi terzi (ir-Regolament (UE) 2018/1725), l-Artikoli 47, 48 u 50(1) d), e).
9. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?
Inżommu d-data tiegħek biss għal kemm ikun meħtieġ għall-iskopijiet deskritti f’din id-dikjarazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u b’mod konformi mal-politiki relevanti. Id-data personali tiegħek tista’ tinżamm fil-fajls tal-każijiet tal-IG/IN għal mill-inqas 5 snin u sa 10 snin wara li tingħalaq l-investigazzjoni. Jekk l-allegazzjonijiet relatati ma jkollhomx evidenza, id-data personali tiegħek tista’ tinżamm għal massimu ta’ 5 snin wara li jingħalaq il-każ.
10. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
Id-drittijiet tiegħek huma stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5 tal-GDPR tal-UE.
- Għandek id-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali tiegħek hux qed tiġi pproċessata, u, jekk iva, biex taċċessa d-data personali tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur jew permess tal-UPD tal-BEI (id-dritt ta’ aċċess).
- Għandek id-dritt li titlob lill-kontrollur biex jirrettifika kwalunkwe data mhux preċiża u/jew li data personali mhux kompluta tiġi kkompletata (id-dritt għal rettifika);
- Għandek id-dritt li titlob lill-kontrollur biex iħassar id-data personali tiegħek skont l-Artikolu 19 tal-GDPR tal-UE (id-dritt li wieħed jintesa);
- Għandek id-dritt li titlob lill-kontrollur biex jirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħek fil-każijiet li ġejjin (id-dritt għar-restrizzjoni tal-ipproċessar):
- (i) Jekk tikkontesta l-preċiżjoni tad-data tiegħek;
- (ii) jekk l-ipproċessar tad-data jkun illeċitu u topponi t-tħassir tagħha;
- (iii) jekk il-kontrollur ma jkunx għad għandu bżonn id-data personali msemmija għall-iskopijiet tal-ipproċessar iżda inti tkun teħtieġha biex tistabbilixxi, teżerċita jew tiddefendi pretensjonijiet legali; jew
- (iv) jekk inti tkun oġġezzjonajt għall-ipproċessar tad-data tiegħek u l-BEI jkun jixtieq jistabbilixxi jekk il-kontrollur għandux raġunijiet leġittimi li jisbqu d-dritt tiegħek ta’ restrizzjoni.
- Għandek id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar ta’ data personali, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek, ħlief jekk il-BEI juri raġunijiet leġittimi imperattivi għall-ipproċessar jew l-istabbiliment, l-eżerċitar jew id-difiża ta’ pretensjonijiet legali;
- Inti għandek id-dritt li tirċievi d-data personali tiegħek mill-BEI b’mod strutturat, użat b’mod komuni u f’format li jinqara mill-magni sabiex tkun tista’ tittrażmetti d-data tiegħek lil kontrollur ieħor mingħajr xkiel mill-BEI (id-dritt għall-portabbiltà tad-data);
- Meta l-bażi legali għall-ipproċessar tkun il-kunsens, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira dan il-kunsens fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma jaffettwax il-legalità tal-ipproċessar ibbażata fuq il-kunsens qabel l-irtirar tiegħu;
- Jistgħu japplikaw għall-investigazzjonijiet tal-BEI eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u taħt deċiżjoni rilevanti tal-BEI. Id-deċiżjoni rilevanti tal-BEI hija disponibbli HAWN.
- Għandek id-dritt li tippreżenta lment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (www.edps.europa.eu) fi kwalunkwe ħin (id-dritt li tippreżenta lment).
11. Ikkuntattjana
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar kif nipproċessaw id-data personali tiegħek, jew tixtieq teżerċita xi wieħed mid-drittijiet deskritti hawn fuq, jekk jogħġbok ikkuntattjana: Investigations@eib.org Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, is-Sur Pelopidas Donos, b’email lil p.donos@eib.org jew fuq dan l-indirizz:
Is-Sur Pelopidas Donos, il-Bank Ewropew tal-Investiment
98-100 Boulevard Konrad Adenauer, L-2950 Luxembourg (il-Gran Dukat tal-Lussemburgu)