Search En menu en ClientConnect
Search
Results
Top 5 search results See all results Advanced search
Top searches
Most visited pages
EIB
  • Stħarriġ ġdid tal-BEI juri li l-biċċa l-kbira tal-bliet tal-Unjoni Ewropea qed jippjanaw aktar investimenti biex jiġġieldu kontra t-tisħin globali u jespandu l-akkomodazzjoni, l-iskejjel u l-isptarijiet pubbliċi.
  • Mill-muniċipalitajiet tal-UE li ġew mistħarrġa, 56% se jonfqu aktar biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u 53% biex jagħtu spinta lill-baġits għall-infrastruttura soċjali matul it-tliet snin li ġejjin.
  • Il-bliet madwar l-Ewropa jridu jsibu dejjem aktar sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-iżvilupp barra mill-għotjiet tradizzjonali nazzjonali u dawk tal-UE.

Il-biċċa l-kbira tal-bliet fl-Ewropa qed jippjanaw li jonfqu aktar fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex iżidu l-akkomodazzjoni, l-iskejjel u l-isptarijiet pubbliċi, skont stħarriġ ġdid tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). L-“Istħarriġ dwar il-Muniċipalitajiet 2025” tal-BEI jindika li 56% qed jimmiraw għal investimenti akbar biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u 53% għandhom il-pjan li jagħtu spinta lill-baġits għall-infrastruttura soċjali matul it-tliet snin li ġejjin.

Il-BEI ppubblika r-rapport illum biex jikkoinċiedi ma’ konferenza fi Brussell mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex jiddiskutu l-ħtiġijiet għall-investiment urban fl-Ewropa u jappoġġaw l-aġenda tal-politika tal-UE għall-bliet.

L-istħarriġ ikopri 1,002 muniċipalitajiet tal-UE b’popolazzjonijiet li jvarjaw fid-daqs minn bosta eluf għal mijiet ta’ eluf, bit-total ikkombinat li jammonta għal madwar 26 miljun (madwar 6% tal-popolazzjoni totali tal-UE-27). Huma rrappreżentati l-muniċipalitajiet f’kull Stat Membru, bin-numri jvarjaw minn 131 fil-Ġermanja u 107 fl-Italja għal ħamsa kull wieħed f’Ċipru u l-Lussemburgu. Bħalma seħħ fl-istħarriġ preċedenti fl-2022, mhumiex inklużi bliet kapitali nazzjonali u territorji mhux Ewropej, u l-bliet li ħadu sehem għamlu dan fuq bażi anonima.

Filwaqt li l-għotjiet nazzjonali u tal-UE jibqgħu s-sorsi ewlenin tal-finanzjament għall-infrastruttura għall-muniċipalitajiet, aktar minn nofshom – 61% – huma interessati li jesploraw għażliet ta’ finanzjament oħrajn, skont ir-rapport il-ġdid. Pereżempju, dan jista’ jinkludi li l-għotjiet jinbidlu f’garanziji li mbagħad kieku jintużaw biex jattiraw finanzjament f’livelli ogħla minn organizzazzjonijiet bħall-banek.

“Fi żmien meta l-isfidi qegħdin dejjem jikbru, irridu niżguraw li kull euro investit iwassal l-akbar impatt,” qal Ioannis Tsakiris, Viċi President tal-BEI. “Dan ifisser l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi biex jappoġġaw il-muniċipalitajiet sabiex jaċċelleraw l-azzjoni dwar il-klima u prijoritajiet ewlenin oħrajn. Il-BEI jibqa' impenjat biex jaħdem flimkien ma’ bliet Ewropej biex jiżviluppaw u jimplimentaw l-għodod li jeħtieġu biex jibnu futur aktar sostenibbli u reżiljenti.”

L-istħarriġ tal-BEI dwar il-muniċipalitajiet jipprovdi stampa wiesgħa u dettaljata tal-pjanijiet tal-iżvilupp minn awtoritajiet li huma responsabbli għal madwar 54% tal-investimenti pubbliċi fl-UE. Fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima, il-muniċipalitajiet huma responsabbli għal madwar 60% tal-investimenti.

Minbarra li nstab li l-biċċa l-kbira tal-bliet fl-UE qed jippjanaw li jinvestu aktar biex inaqqsu l-emissjonijiet, l-istħarriġ l-aktar riċenti juri li madwar nofshom qed jimmiraw ukoll għal aktar infiq fuq miżuri biex jadattaw għat-tibdil fil-klima. Din it-tip ta’ attività tinkludi protezzjoni kontra theddid bħal għargħar u nirien.

“Il-muniċipalitajiet madwar l-Ewropa qed juru impenji sodi lejn it-tranżizzjoni ekoloġika,” qalet Debora Revoltella, Kap Ekonomista tal-BEI. “Sabiex dawn l-impenji jinbidlu f’riżultati tanġibbli, ikun meħtieġ appoġġ politiku u ta’ politika kontinwu fil-livelli kollha.”

Sfida persistenti għal bosta bliet fl-UE hija n-nuqqas ta’ esperti biex iwettqu l-valutazzjonijiet ambjentali u inġiniera biex iwettqu l-proġetti, skont l-istħarriġ l-aktar riċenti. Sa 30% tal-muniċipalitajiet irrapportaw nuqqas ta’ kompetenza esperta teknika f'dawn l-oqsma.

Il-BEI qed jgħin f’din l-isfida billi jipprovdi kompetenza esperta teknika, finanzjarja u strateġika lill-bliet. Inġiniera u ekonomisti tal-BEI jivvalutaw kull proġett iffinanzjat mill-bank. Din il-kompetenza esperta hija wkoll disponibbli fil-forma ta’ appoġġ ta’ konsulenza lill-promoturi tal-proġetti, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u lill-intermedjarji finanzjarji.

“Dan ir-rapport tal-BEI mimli dettalji u li wasal fil-ħin jikkonferma dak li ilhom jafu l-mexxejja lokali madwar l-Ewropa: l-irħula u l-bliet tagħna huma fil-qalba tal-akbar sfidi tal-Ewropa—mill-kriżi tal-klima għall-ħtieġa urġenti ta’ akkomodazzjoni,” qalet Kata Tüttő, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. “Iċ-ċifri jitkellmu b’mod ċar, iżda warajhom hemm sindki, kunsilliera, u ċittadini li jistinkaw kuljum biex itejbu ħajjietna. Is-sħubija bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment hija vitali biex jinħeles il-potenzjal sħiħ tal-bliet tagħna—billi tagħti s-setgħa għall-ambizzjoni lokali, l-innovazzjoni, it-twassil ta’ investiment pubbliku ta’ kwalità għolja, u l-iżgurar li l-ebda komunità ma tintesa jew tintilef fit-tellieqa biex nadattaw għal dinja li qiegħda tinbidel b’mod veloċi.”

Informazzjoni ġenerali

BEI

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni għal self fit-tul tal-Unjoni Ewropea u huwa l-proprjetà tal-Istati Membri tagħha. Bħala istituzzjoni mibnija fuq tmien prijoritajiet ewlenin, aħna niffinanzjaw investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika tal-UE billi nsaħħu l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, is-sigurtà u d-difiża, il-koeżjoni, l-agrikoltura u l-bijoekonomija, l-infrastruttura soċjali, l-unjoni tas-swieq kapitali, u Ewropa aktar b'saħħitha f’dinja aktar paċifika u għanja.  

Il-Grupp tal-BEI, li jinkludi wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), iffirma kważi €89 biljun f’finanzjament ġdid għal aktar minn 900 proġett ta’ impatt għoli fl-2024, biex b’hekk saħħaħ il-kompetittività u s-sigurtà tal-Ewropa.    

Il-proġetti kollha ffinanzjati mill-Grupp tal-BEI huma konformi mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, kif imwiegħed fil-Pjan Direzzjonali tal-Bank dwar il-Klima tagħna. Kważi 60% tal-finanzjament annwali tal-Grupp tal-BEI jappoġġja proġetti li jikkontribwixxu direttament għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għat-tibdil fil-klima, u għal ambjent aktar b’saħħtu.    

Billi rawwem l-integrazzjoni tas-suq u mmobilizza l-investiment, il-Grupp appoġġa rekord ta’ aktar minn €100 biljun f’investiment ġdid għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fl-2024 u mmobilizza €110 biljuni f’kapital għat-tkabbir għal negozji ġodda, negozji li qed jespandu u pijunieri Ewropej. Madwar nofs il-finanzjament tal-BEI fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa mmirat lejn ir-reġjuni ta’ koeżjoni, fejn id-dħul per capita huwa aktar baxx mill-medja tal-UE.  

Ritratti ta’ kwalità għolja u aġġornati tal-kwartieri ġenerali tagħna għall-użu mill-media huma disponibbli hawnhekk

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa l-assemblea tal-UE ta’ rappreżentanti reġjonali u lokali mis-27 Stat Membru kollha. Maħluq fl-1994 wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Maastricht, il-missjoni tiegħu hija li jinvolvi lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u jinfurmahom dwar il-politiki tal-UE. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jikkonsultaw lill-Kumitat dwar oqsma ta’ politika li jaffettwaw ir-reġjuni u l-bliet. Sabiex jagħmlu parti mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, it-329 membru u t-329 supplent kollha tiegħu jrid ikollhom mandat elettorali jew ikunu responsabbli politikament f’assemblea eletta fir-reġjuni u l-bliet lokali tagħhom.

Contact

Reference

2025-177-MT